Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Il-‘Ġenerazzjoni tad-Deheb’ eliminati fil-fażi tal-gruppi

(Ritratt: EPA)

Kroazja 0-0 Belġju

Il-Belġju sfaw eliminati mit-Tazza tad-Dinja meta f’Ahmad bin Ali Stadium ma rnexxielhomx jakkwistaw tliet punti wara li spiċċaw fi draw ta’ 0-0 kontra l-Kroazja. Minn naħa tagħhom il-Kroazja għaddew bit-tieni post hekk if spiċċaw żewġ punti taħt il-Marokk.

Wara biss ftit sekondi Perisic irċieva pass fit-tul u prova xutt minn tarf il-kaxxa li għadda ftit barra b’dan kien ikun l-aktar gowl skorjat kmieni fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja.

Għaxar minuti logħob u Carrasco għall-Belġju jidħol fil-kaxxa avversarja u jipprova xutt b’saħħtu iżda jkun blukkat minn difensur Kroat.

Tliet minuti wara Mertens jipprova minn tarf il-kaxxa iżda x-xutt tiegħu għadda barra.

Mal-kwarta logħob minn azzjoni ta’ free-kick mill-Kroazja, Dejan Lovren kien imwaqqa’ fil-kaxxa minn Carrasco bir-referee jagħti l-penalty lill-Kroazja. Madankollu r-referee rrikorra għall-VAR u d-deċiżjoni inbidlet hekk kif, għalkemm b’millimetri, Dejan Lovren kien f’pożizzjoni ta’ offside qabel twaqqa’ minn Carrasco.

L-ewwel taqsima m’offriet l-ebda azzjoni perikoluża ħlief ix-xutt ta’ Perisic fil-bidu u ntemmet 0-0.

Il-partita fit-tieni taqsima ħadet xejra oħra biż-żewġ timijiet ikunu aktar avventurużi u fil-50 minuta Matteo Kovacic jittanta xortih b’xutt sabiħ li sab lil Courtois attent li dawwar f’korner.

Mas-siegħa logħob l-aħjar ċans tal-partita sa dak il-ħin imur għand il-Belġju meta l-ewwel kien Carrasco li avvanza fil-kaxxa u kellu x-xutt milqugħ minn Livakovic bil-ballun jiġi għand is-sostitut Lukaku li venven xutt li stampa mal-wieqfa u mar barra.

Fis-87 minuta reġa’ kien Lukaku li minn taħt il-lasta għamel l-impossibli u tefa’ barra.

Mad-90 minuta ċans ieħor għal Lukaku meta l-kross ta’ Thorgan Hazard deher jaħsad lill-attakkant ta’ Inter li b’lasta vojta quddiemu ma rnexxielux jikkonkludi bil-ballun jispiċċa f’idejn il-gowlkeeper Kroat.

Din kienet l-aħħar azzjoni tal-partita bl-avventura tal-Belġjani tieqaf hawn filwaqt li l-Kroati jagħmluha mal-aħħar sittax.







.