Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Il-Ġermaniżi eliminati minkejja r-rebħa

(Ritratt: EPA)

Costa Rica 2-4 Ġermanja

F’partita fejn l-emozzjonijiet ma naqsux speċjalment fit-tieni taqsima fejn saru ħames mis-sitt gowls skorjati, rebħa ta’ 4-2 għall-Ġermanja fuq il-Costa Rica ma kienetx biżejjed hekk kif xorta waħda sfaw eliminati wara li l-Ġappun għelbu lil Spanja u flimkien magħhom għaddew għall-fażi li jmiss. Minn naħa tagħhom il-Costa Rica ħinijiet minnhom kienu qed jikkwalifikaw bit-tieni post meta kienu 2-1 minn fuq iżda l-Ġermaniżi rnexxielhom jiskorjaw tliet darbiet biex dawru l-iskor favurihom.

Il-Ġermaniżi fetħu l-iskor wara għaxar minuti permezz ta’ Serge Gnabry li minn kross ta’ David Raum b’daqqa ta’ ras preċiża għeleb lil Keylor Navas. Għaddew biss erba’ minuti u l-Ġemanja għal darb’oħra fuq l-attakk din id-darba minn kross ta’ Gundogan kien Goretzka li bir-ras impenja lil Navas bil-goalkeeper ta’ PSG jilqa’ tajjeb.

Bil-Ġermaniżi bla dubju l-aħjar tim fil-pitch fil-35 minuta Joshua Kimmich ittanta xortih b’xutt minn barra l-kaxxa u Navas f’żewġ tentattivi salva l-periklu. Ħames minuti wara jerġa jkun Gnabry li daħal fil-kaxxa avversarja u x-xutt mid-dawra tiegħu għadda ftit barra.

Fit-43 minuta din id-darba fuq in-naħa l-oħra kien Manuel Neuer li wettaq save brillanti fuq Keysher Fuller Spencer li sab ruħu waħdu wara żbal ta Rudiger.

L-aħħar xutt tal-ewwel taqsima wasal mingħand il-Ġermaniżi meta kien Leroy Sane li minn tarf il-kaxxa mar għas-saħħa iżda tefa’ għoli. Tmiem l-ewwel taqsima 1-0 favur il-Ġermanja.

Il-Costa Rica mill-bidu tat-tieni taqsima dehru aktar tim organizzat u fid-59 minuta l-isforzi tagħhom kienu premjati b’gowl meta l-ewwel kien Jamaal Watson Manley li ttanta xortih b’Neuer ma jaħtafx u l-ballun jiġi għand Yeltsin Tejeda li mill-viċin tefa’ ġewwa.

Fil-61 minuta Musiala minn azzjoni personali jinfed id-difiża tal-Costa Rica iżda kien sfortunat li x-xutt tiegħu ħabat mal-wieqfa. Żewġ minuti wara il-lasta terġa ċċaħħad lill-Ġermaniżi meta din id-darba kien Rudiger li ra x-xutt tiegħu jaħbat mal-wieqfa.

L-isfortuna baqgħet iċċaħħad lil Ġermaniżi u fis-67 Musiala għat-tieni darba fil-partita laqgħet il-lasta b’xutt mill-isbaħ minn tarf il-kaxxa.

Il-Costa Rica marru inkredibilment fil-vantaġġ fil-71 minuta meta Kendall Watson bir-ras dendel ballun fil-kaxxa li sab lil Juan Pablo Vargas li b’xi ftit fortuna irnexxielu jitfa’ wara Neuer u poġġa lil Costa Rica fil-vantaġġ.

Il-Costa Rica damu biss żewġ minuti jgawdu dan il-vantaġġ hekk kif fit-73 minuta Kai Havertz kompla għal ġewwa l-pass tas-sostitut Niclas Fullkrug. L-istess Kai Havertz sab ix-xibka fil-85 minuta minn pass ta’ Serge Gnabry biex il-Ġermanja reġgħu lura fil-vantaġġ.

Il-Ġermanja skorjaw ieħor fl-ewwel minuta tal-ħin miżjud permezz ta’ Niclas Fullkrug li tefa’ ġewwa minn pass ta’ Sane. Bil-partita tal-Ġappun tispiċċa qabel dik tal-Ġermanja l-aħħar tliet minuti kienu inutli hekk kif Spanja u l-Ġappun kienu kkonfermati mal-aħħar sittax.