Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Il-Ġermanja tfittex l-ewwel rebħa bit-tama li Spanja tegħleb lill-Ġappun

(Ritratt: EPA)

16:00 – GRUPP E – COSTA RICA V ĠERMANJA

Għalkemm hu konfront bejn l-aħħar żewġ timijiet, il-pressjoni tinsab kollha fuq il-Ġermanja. It-tim ta’ Hansi Flick wettaq reazzjoni kontra Spanja wara t-telfa sorpriża kontra l-Ġappun. Iżda r-reazzjoni ma kinitx biżżejjed biex iddawwar ir-rotta u jinsabu b’punt biss wara żewġ logħbiet.

Fuq in-naħa l-oħra, il-Costa Rica wettqet reazzjoni wara l-umiljazzjoni kontra Spanja. F’dak li kien l-ewwel xutt tagħhom fil-lasta f’din l-edizzjoni, huma rebħu 1-0 kontra l-Ġappun. Xejn għajr rebħa ma tikkuntenta lit-tim Ġermaniż.

ĠAPPUN V SPANJA

Spanja falliet iċ-ċans milli taċċerta l-kwalifikazzjoni u tinsab kunfidenti li tikkwalifika u toħroġ rebbieħa tal-grupp. Il-kowċ Spanjol Luis Enrique mistenni jagħmel xi tibdil minimu hekk kif Gavi jinsab dubjuż filwaqt li l-captain Sergio Busquets jinsab logħba bogħod minn sospensjoni.

Il-Ġappun impressjonat kontra l-Ġermanja iżda ddiżappuntat kontra l-Costa Rica. Il-kowċ Hajime Moriyasu jittama li l-plejers iqumu għall-okkażjoni u jerġgħu jissorprendu kontra wieħed mill-favoriti. Dan se jkun l-ewwel konfront kompetittiv kontra Spanja.