Lokali

Il-persuni f’riskju ta’ faqar qed jiżdiedu

F’Malta u Għawdex tnejn minn kull għaxra jinsabu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali.

Ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika …u bbażati fuq studju Ewropew ….urew li fl-2021 aktar minn 20% tal-popolazzjoni ta’ pajjiżna tinsab f’riskju ta’ faqar, u qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi finanzjarji kbar – ċifri li qed jiżdiedu minn sena għall-oħra.

Fil-maġġoranza tal-każi sfortunatament insbu lil persuni li għandhom ‘il fuq minn 65 sena ….b’aktar minn 29% minnhom f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali. Filwaqt li aktar minn 23% tal-persuni li qed iħabbtu wiċċhom mal-faqar huma tfal taħt it-18-il sena.

Ir-rapport maħruġ mill-NSO wera li żdiedu l-persuni li ma jifilħux iħallsu ġimgħa vaganza ‘l bogħod mid-dar, żdiedu l-persuni li għandhom l-arretrati fuq il-kera tad-dar jew kontijiet tad-dawl u l-ilma, żdiedu dawk il-familji ma jifilħux finanzjarjament isaħħnu djarhom fix-Xitwa.

Żieda wkoll fl-ammont ta’ persuni li ma jaffordjawx jagħmlu xirja ħwejjeġ biex ibiddlu l-qodma, żdiedu dawk il-persuni li ma jifilħux jagħmlu kapriċċ żgħir għalihom infushom.

Żieda wkoll f’dawk l-individwi li ma jaffordjawx jiltaqgħu mal-familja jew ħbieb għal ikla darba fix-xahar. U saħansitra … żiedu dawk il-persuni li ma jifilħux iħallsu għall-internet.

Din hija s-sitwazzjoni li sas-sena li għaddiet kellna f’Malta u Għawdex. B’kull ma jmur in-numri qed jiżdiedu minflok jonqsu.