Lokali Parlament

Irridu naħdmu favur il-ħajja u kontra liġi li ddaħħal l-abort

Jerome Caruana Cilia, PN

Id-deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia qali fil-parlament li llum qed niddiskutu abbozz li jitratta dwar l-iktar, punt kruċjali. L-iktar valur fundamentali… il-valur tal-ħajja.

Hu saħaq li l-valur tal-hajja ma jarax kuluri, ma jħarisx lejn razzez, ma jħarisx lejn il-passat tal-persuna. Il-valur tal-ħajja hu suprem u allura “ejja nitfatmu mill-partiġġjaniżmu politiku meta niddiskutu l-valur tal-ħajja, inkluż tal-ħajja tat-tarbija fil-ġuf”.

Id-deptuat Nazzjonalista Caruana Cilia qal li fl-ewwel lok huwa sinifikanti ħafna kif l-abbozz kif ġie ppubblikat jitkellem fuq “tqala” u fuq “terminazzjoni ta’ tqala” u jevita milli jirreferi lejn it-tarbija. Hawnhekk qed nitkellmu fuq tarbija fil-ġuf u t-terminazzjoni tal-ħajja ta’ dik it-tarbija… jiġifieri l-abort, u mhux fuq xi proċess astratt. 

Id-deputat Nazzjonalista qal li ma’ jeżisti l-ebda dubbju li dan l-abbozz huwa l-ewwel, u forsi l-aktar pass determinanti, li permezz tiegħu ser jiddaħħal l-abort f’pajjiżna u, aktar minn hekk, biex dan jiġi normalizzat.

Huwa fatt li jkun hemm numru żgħir ħafna ta’ każijiet fejn il-ħajja ta’ omm tqila tkun f’periklu u dan possibbilment b’rabta mat-tqala. “Huma kemm huma ftit, dawn il-każijiet għandhom jingħataw l-attenzjoni kollha meħtieġa, għaliex il-valur tal-ħajja japplika kemm għat-tarbija fil-ġuf kif ukoll għall-omm. Iżda llum huwa fatt ukoll li t-tobba u l-konsulenti mediċi, li jkunu qed jittrattaw lill-omm u lit-tarbija, jagħmlu dan b’etika profonda, b’impenn lejn id-dritt tal-ħajja tal-omm u skont il-ġurament li huma ħadu biex jipproteġu l-ħajja”, qal Caruana Cilia. 

Għaldaqstant huwa ċar, evidenti, li din l-emenda m’hemmx bżonnha għaliex it-tobba tagħna minn dejjem wettqu ħidmiethom imnebbħin mill-prinċipju li għandhom id-dmir li jipproteġu l-ħajja, u jekk fil-każ estrem li intervent mediku esperessament intiż biex isalva l-hajja ta’ omm tqila, li kienet fil-periklu ċar u imminenti li titlef ħajjitha, jirriżulta fil-mewt tat-tarbija, dak ma’ jista’ qatt jiġi interpretat bħala abort.

Id-deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia qal li kif jaf tajjeb il-Ministru tas-Saħħa, f’Malta jitwieldu mal-4000 wild fis-sena. Il-kumplikazzjonijiet fit-tqala minn dejjem kienu u dejjem ingħatat kura lill-omm li kellha xi kumplikazzjoni. L-ebda speċjalista tal-ostetrija ma spiċċa l-ħabs għaliex kif inhi l-liġi tipproteġi lil kulħadd inkluż it-tarbija.

“Min-naħa l-oħra, fil-proposta tal-Gvern it-tarbija ma tissemmix, lanqas darba waħda; tassew surreali”, qal id-deputat Jerome Caruana Cilia .

“Dan hu l-mument tal-prova għal kull min hu favur il-ħajja dejjem. Dan l-abbozz li ressaq il-Gvern ineżża’ lit-tarbija fil-ġuf mid-dritt tal-ħajja. Jien flimkien ma’ sħabi ta’ din in-naħa tal-Kamra, aħna favur il-ħajja u kontra l-abort”, qal Jerome Caruana Cilia.

Hu saħaq li kull membru ta’ din il-Kamra, l-għola istituzzjoni politika ta’ dan il-pajjiż, li hu favur il-ħajja għandu jivvota Kontra dan l-abbozz. Id-deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia insista biex mhux biss nivvutaw kontra dan l-abbozz, imma saħansitra naħdmu ħalli nsaħħu l-kultura favur il-ħajja, insaħħu l-ħidma tagħna favur id-dritt tal-ħajja tat-tarbija fil-ġuf.