Lokali Qorti

Konfermata fl-Appell: Eks koppja ordnata jroddu lura żewġ donazzjonijiet ta’ €45,000 għax ma sarux b’att pubbliku

Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Joseph R Micallef u Tonio Mallia ikkonfermat sentenza mogħtija mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili li kinet ordnat koppja li kienet miżżewwġa jroddu żewġ donazzjonijiet fl-ammont ta’ €45,568 li ngħataw mingħand omm il-mara wara li rriżulta li dawn ma jiswew xejn u ma kellhom l-eba bażi legali.

Dan peress li kienu saru bi skrittura privata quddiem avukat u mhux quddiem nutar skont il-liġi f’deċiżjoni li hija meqjusa bħala waħda storika. Il-każ imur lura għal Lulju tal-2005 u April tal-2006, meta omm il-mara, għaddiet żewġ donazzjonijiet ta’ Lm12,000, ekwivalenti għal €27,840 u oħra ta’ Lm8,000, ekwivalenti għal €18,659.6 fi flus kontanti lit-tifla tagħha u l-eks raġel tagħha.

F’kawża li fetħet kontrihom biex tieħu flusha lura, l-omm ippontifkat il-każ tagħha fuq żewġ binajr, dik li d-donazzjonijiet kienu nulli għax ma sarux b’att pubbliku u għax inkisret allegata kundizzjoni marbuta mad-donazzjonijiet li l-flus jintużaw għat-tisħiħ u ż-żamma taż-żwieġ.

Madankollu meta xehdet irriżulta li l-kawża nfetħet għax allegat li dak li kien ir-raġel ta’ bintha daħaq biha, peress li ried ikeċċiha mid-dar meta marret tgħix mat-tifla u miegħu fil-kantina wara li sseparat minn ma’ żewġha u spiċċat bla saqaf fuq rasha.

Dwar il-kundizzjonijiet marbuta mad-donazzjonijiet, ir-raġel tat-tifla allega li dawn kienu fittiziji. Qal li hu u l-eks mara tiegħu qatt u fl-ebda ħin ma rċevew dawn iż-żewġ donazzjonijiet. Huwa pprova jagħti l-impressjoni li d-donazzjoni ta’ €27,840 li ngħatat il-koppja, kien self li sar fl-istess ammont jumejn wara din id-donazzjoni.

Meta studjat il-każ, il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili li kienet preseduta mill-Imħallef Christian Falzon Scerri qalet li m’għandha ebda dubju li l-omm għaddiet is-somma ta’ €27,840 fil-kont bankarju tar-raġel ta’ bintha u li ssibha diffiċli temmen li s-somma li ħarġet dakinhar, hi l-istess li sellfet lill-koppja jumejn wara.

Qalet ukoll li ma tistax tifhem kif ir-raġel ta’ bintha qal li d-donazzjonijiet ma sarux meta kien hu stess li ffirma l-iskritturi privati li għandhom ukoll it-timbru tal-uffiċċju tal-avukat. Fl-eżami tiegħu dwar l-allegati kundizzjonijiet marbuta ma’ dawn id-donazzjonijiet, l-Imħallef kien qal li dawn ma kienu soġġetti għall-ebda kundizzjoni li semmiet l-omm għax mhumiex imniżżla fl-iskritturi privati. Il-mara bdiet titlob il-flus mhux għax iż-żwieġ ta’ bintha ma kienx għadu fis-seħħ, iżda għax ir-raġel ta’ bintha keċċieha ’l barra mid-dar.

Fuq il-fatt li d-donazzjonijiet ma sarux b’att pubbliku, il-qorti qalet li huwa minnu li f’ċertu ċirkostanzi speċjali, m’hemmx il-ħtieġa li jsir kuntratt pubbliku biex donazzjoni tkun tgħodd. F’każ ta’ għotja minn id għal id, jeħtieġ jirriżultaw tliet elementi oħra, qalet il-Qorti, dik li l-għotja tal-ħaġa mid-donatur lid-donatorju, li l-valur tal-ħaġa mogħtija ma jkunx kbir u li d-donatur ikun irid jagħti dik il-ħaġa u jeħles minnha minnufih u għal dejjem.

L-Ewwel Qorti kif qablet magħha l-Qortu tal-Appell, kienet qalet li f’dan il-każ, l-omm qalet li l-ammonti ma kinux żgħar u għalhekk kellhom isiru b’att pubbliku biex ikunu jiswew. Wara li eżaminat il-mezzi kollha tal-mara fil-perjodu li fihom saru d-donazzjonijiet, jirriżulta li hija kellha mal-Lm81,000 ( €188,687).

Kien ingħad ukoll li l-ammont li tat b’donazzjoni huwa sostanzjali ferm u għalhekk biex id-donazzjoni tkun tiswa f’għajnejn il-liġi, kien jeħtieġ li jsiru b’att pubbliku. Il-Qorti qablet mat-talba tal-omm li ż-żewġ donazzjonijiet kienu nulli għax saru b’sempliċi kitba privata.

Kien għalhekk li ġie deċiż li l-mara u r-raġel jroddu nofs bin-nofs l-ammont ta’ €45,568 f’donazzjonijiet. Fid-deċiżjoni tagħa l-Qorti żammet f’moħħha li l-mara li tiġi bint min fetaħ il-kawża mhux biss ammettiet għat-talbiet, iżda ngħaqdet ħaġa waħda ma’ ommha fil-konfront tal-eks raġel tagħha.

Kien għalhekk li l-qorti qieset li l-mara u r-raġel m’għandhomx jiġu kkundannati flimkien iżda kull wieħed minnhom irodd nofs is-somma mogħtija bid-donazzjonijiet. Ġie deżiż ukoll li-imgħaxijiet għandhom jidħlu fis-seħħ mindu saret it-talba għall-ħlas, ikkonfermat il-Qorti.

Il-Qorti tal-Appell, li bħal Prim Awla tal-Qorti Ċivili daħlet fid-dettal f’dan il-każ qalet fost affarijiet oħra li tikkondividi l-fatt li meta tqis li l-attriċi kellha assi ta’ madwar Lm81,230 u għamlet donazzjonijiet ta’ Lm20,000, u ċar li d-donazzjonijiet ma humiex ta’ entità żgħira.

Issa l-fatt li dawn id-donazzjonijiet inqasmu f’żewġ pagamenti ma hu ta’ ebda suffraġju għall-konvenut meta jidher li d-donazzjonijiet saru għall-istess skop u bażikament taħt l-istess ċirkostanza. Tkun ħaġa mhix f’postha jekk donatur jitħalla jabbuża u jevita dak li trid il-liġi bl-Artikolu 1753 tal-Kodiċi Ċivili billi jaqsam donazzjoni mhux żgħira f’biċċiet żgħar.

Dawn kienu żewġ donazzjonijiet li saru fi żmien qasir bejn waħda u oħra, lill-istess żewġ persuni u bi skop li dawn iż-żewġ persuni jiġu mgħejjuna fil-preparazzjoni tagħhom għażħżwieġ. Il-Qorti tal-Appell qalet li għalhekk, ma ssib xejn x’tiċċensura fid-deċiżjoni tal-ewwel Qorti u tagħmel tagħha l-konsiderazzjonijiet li saru fis-sentenza appellata. Għaldaqstant, għar-raġunijiet premessi, ġie miċħud l-appell tar-raġel bl-Imħallfin jikkonfermaw fis-sħiħ is-sentenza tal-ewwel Qorti bl-ispejjeż kollha u li jridu jitħallsu mill-appellant.