Lokali Qorti

Miċħuda talba ta’ ksur tad-drittijiet ta’ Adrian Agius mixli bil-qtil tal-Avukat Chircop fuq iċ-ċaħda tal-pleġġ

Il-Qorti Kostituzzjonali preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul ċaħdu t-talba ta’ Adrian Agius li kien qed jikkontendi li nkisru d-drittijiet fundamentali tiegħu għax baqgħu jiġu miċħuda t-talbiet li għamel diversi drabi biex jingħata l-pleġġ. Il-Qorti fost affarijiet oħra qalet li l-gravità tar-reat qed jingħata ħafna piż mill-Qrati u li Agius ma ressaq l-ebda argumenti li jimmeritaw li d-deċiżjonijiet minn Qrati oħra jinbidlu.

Adrian Agius, huwa wieħed mill-erbgħa rġiel akkużati bil-kompliċità fil-qtil tal-Avukat Carmel Chircop fejn il-prosekuzzjoni dejjem oġġezzjonat li jingħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi fatturi, fosthom li għandu rabtiet barra minn Malta fid-dawl tal-fatt li huwa negozjant u s-severità tal-każ.

L-akkużat huwa wieħed mill-aħwa “Ta’ Maksar” u jinsab akkużat li ordna l-qtil tal-avukat Carmel Chircop, li nstab maqtul fil-garaxx ta’ Birkirkara f’Ottubru 2015. Huwa qed iwieġeb mhux ħati. F’rikors li ppreżenta kien qal li fl-24 ta’ Frar, 2021, huwa tressaq taħt arrest quddiem il-Qorti tal-Maġistrati flimkien ma’ tliet ko-akkużati oħra u ġie mixli, bl-omiċidju tal-Avukat Carmel Chircop li seħħ fit-8 ta’ Ottubru, 2015.

Minn dak iż-żmien qal li għamel tliet rikorsi quddiem l-istess Qorti tal-Maġistrati biex jitlob il-ħelsien mill-arrest. Madankollu dawn kollha ġew miċħuda, u għalhekk huwa għadu jinsab detenut. Huwa ppreżenta rikors kontra l-Avukat tal-Istat u l-Avukat Ġenerali fejn tenna li waqt dawn il-proċeduri ressaq ukoll talba għall-ħelsien mill-arrest quddiem il-Qorti Kriminali iżda din ukoll ġiet miċħuda. Huwa qal li minħabba f’hekk qed isofri ksur tad-dritt fondamentali tiegħu għall-libertà kif sanċit mill-Artikolu 34 tal-Kostituzzjoni u l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni Ewropea primarjament għaliex it-talbiet tiegħu kienu qed jiġu miċħuda a bażi ta’ allegata biża’ ta’ diżordni pubbliku.

Id-diżordni pubbliku mhux rikonoxxut fil-liġi Maltija

Qal li dan huwa kriterju li mhuwiex rikonoxxut fil-liġi Maltija u għaliex f’dan il-punt ma jistax jingħad li l-proċeduri għadhom fi stadju bikri peress li xehdu aktar minn 120 xhud u b’mod partikolari ix-xhieda pajżana kollha. F’dawn il-proċeduri huwa talab sabiex l-aġir tal-AĠ u l-Avukat tal-Istat jew xi ħadd minnhom, jiġi ddikjarar wieħed illegali.

Huwa talab ukoll lill-Qorti Kostituzzjonali li minħabba dan id-dritt miċħud tordna li jew l-AĠ jew l-Avukat tal-Istat iħallsu kumpens xieraq lilu. L-Avukat tal-Istat u l-Avukat Ġenerali minn naħa tagħhom qalu li Adrian Agius naqas milli jippreżenta rikors għall-ħelsien mill-arrest quddiem il-Qorti Kriminali qabel ma fetaħ din il-kawża u għalhekk huwa naqas milli jagħmel użu mir-rimedju ordinarju disponibbli lilu.

Ingħad ukoll minnhom li d-dritt għall-libertà mhuwiex assolut u għalhekk il-libertà ta’ persuna tista’ titneħħa meta l-arrrest jew id-detenzjoni jkunu skont il-liġi u magħmulin sabiex persuna tkun miġjuba quddiem awtorità legali kompetenti fuq suspett raġonevoli li tkun ikkommettiet reat jew biex jiġi evitat il-kommissjoni ta’ reat jew li dik
il-persuna taħrab.

Agius minn naħa tiegħu lmenta wkoll li l-Ewwel Qorti kienet żbaljata meta kkonkludiet li huwa ma sofriex ksur tad-drittijiet fondamentali tiegħu in vista tal-gravità tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu. Argumenta li għalkemm huwa minnu li huwa qiegħed jiġi akkużat b’omiċidju, dan ġie kommess aktar minn sitt snin ilu, u huma bosta dawk l-imputati li jinsabu meħlusin mill-arrest wara li ġew istitwiti proċeduri kriminali fil-konfront tagħhom sabiex iwieġbu għal omiċidji li
seħħew wara l-2015.

Isostni li l-gravità tal-akkużi jew sejra tintuża għal kull persuna akkużata b’omiċidju l-istess jew ma tintużax għaliex
altrimenti tkun qed issir inġustizzja kif fil-fatt qiegħed isir f’dan il-każ. Qal li mhuwiex ġust li l-proċeduri li qiegħed jaffaċja jiġu kontinwament ikkomparati mal-akkużi li qiegħdin jaffaċċjaw dawk li jinsabu mixlija bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għaliex l-Avukat Ġenerali għoġobha tixlih flimkien ma’ Robert Agius u Jamie Vella meta hu qatt u fl-ebda stadju ma ġie mplikat fil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Argumenta li mhuwiex ġust li l-Qrati qed jistennew li jkun hu li jiġġustifika l-ħelsien mill-arrest tiegħu għaliex huwa l-Istat li jrid juri li hemm raġunijiet relevanti u suffiċjenti li jiġġustifikaw id-detenzjoni kontinwata tiegħu. Jgħid li għalhekk huwa żbaljat l-argument tal-appellant li l-użu tal-kriterju tad-diżordni pubbliku joħloq inċertezza legali għaliex anke jekk mhux fattur espressament indikat fl-Artikolu 575 tal-Kodiċi Kriminali ċertament huwa fattur li għandu jitqies minn kwalunke Qorti li jkollha talba għall-ħelsien mill-arrest quddiemha.

Il-fatt li għadda ż-żmien ma jagħmilx l-akkuża ta’ omiċidju reat anqas serju

Minn naħa tagħhom il-Prosekuturi argumentaw li t-trapass taż-żmien ma jagħmilx l-akkuża ta’ omiċidju volontarju anqas serja u l-fatt li persuni oħra akkużati b’omiċidju ngħataw il-ħelsien mill-arrest huwa rrelevanti u apparti minn hekk il-paragun huwa odjuż.

Isostnu li l-appellant jinsa li sitt snin wara li seħħ l-omiċidju tal-Avukat Chircop setgħu jittieħdu passi kontrih proprju għaliex Vincent Muscat ammetta l-involviment tiegħu fl-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia u ngħata l-maħfra
presidenzjali biex ikun jista’ jixhed dwar l-involviment tiegħu fil-qtil tal-Avukat Chircop.

Qalu wkoll li dan juri li dan mhuwiex każ normali iżda anzi huwa każ mill-aktar gravi u għalhekk dan il-fattur qatt m’għandu jiġi skartat. Jargumentaw ukoll li minkejja dan, iċ-ċaħdiet tar-rikors ta’ Agius qatt ma kienu bbażati
unikament fuq il-gravità taċ-ċirkostanzi għaliex il-Qorti dejjem qieset iċ-ċirkostanzi kollha tal-każ u tat deċiżjoni motivata u bbażata fuq analiżi dettaljata u raġonevoli taċ-ċirkostanzi tal-każ.

Il-Qorti tal-Appell qalet li osservat illi l-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti Istruttorja, fit-tliet istanzi fejn ċaħdet it-talba għal ħelsien mill-arrest, daħlet fir-reqqa fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, fejn anke għamlet referenza għad-deċiżjoni ta’ l-istess qorti f’kawża relatata ma’ proċeduri lokali, ossija dik ta’ Yorgen Fenech
deċiża mill-EcHR fit 23 ta’ Marzu 2021.

Il-Qorti qalet li taqbel mas-sottomissjoni tal-AĠ u l-AI li Agius qiegħed jimminimizza l-estent u l-gravità tal-offiżi li bihom jinsab mixli. Fil-fatt l-appellant jagħmel referenza biss għall-fatt li hu ġie mixli b’involviment fil-qtil tal-Avukat Carmel Chircop, u donnu jinsa li apparti din l-akkuża huwa qiegħed jaffaċċja akkużi oħra li jirrigwardaw il-promozzjoni, kostituzzjoni, organizzazzjoni jew finanzjament ta’ organizazzjoni kriminali u parteċipazzjoni attiva f’tali organizazzjoni, u dan oltre li ġie mixli bħala reċediv.

Għalhekk l-appellant huwa żbaljat meta jikkompara l-każ tiegħu ma’ xi każ ieħor fejn skont hu ngħatat libertà provviżorja minkejja li l-akkużat kien jinsab mixli b’omiċidju. L-ewwel nett il-paragun huwa odjuż, u dan partikolarment meta l-appellant ma ressaq ebda prova fir-rigward ta’ din l-allegazzjoni tiegħu li turi li verament kien hemm xi trattament diskriminatorju, ilment li fi kwalunke każ lanqas biss ressaq.

Inoltre, huwa ċar li l-każ kriminali kontra l-appellant jitratta (i) omiċidju premeditat li allegatament ġie kommess billi l-vittma, li ma kienx armat, intlaqat mill-qrib b’diversi tiri ta’ pistola li ġiet magħżula speċifikatament biex ma tħalliex skrataċ fuq il-post sabiex ma jkunx hemm evidenza kontra dawk li kkommettew l-omiċidju u offiżi serjissimi relatati ma’ kriminalità organizzata.

Il-każ ta’ Adrian Agius qatt ma ġie komparat ma’ dak tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Dwar l-ilment tal-appellant li l-proċeduri li qiegħed jaffaċċja qiegħdin kontinwament jiġu kkomparati mal-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia il-Qorti tosserva li dan l-argument huwa kemmxejn irrelevanti kkonsidrat li la l-Qorti tal-Maġistrati jew il-Qorti Kriminali u lanqas l-EwwelQorti ma qabblu il-każ tiegħu mal-każ tal-omiċidju ta’ Daphne
Caruana Galizia.

Dwar l-argument imbagħad ta’ Agius għall-kwistjoni tad-diżordni pubbliku, il-Qorti tosserva li l-Ewwel Qorti kkonsidrat li d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Maġistrati u l-Qorti Kriminali ma kinux proprjament imsejsin fuq il-kwistjoni tad-diżordni pubbliku iżda aktar fuq il-gravità tar-reati li bihom l-appellant jinsab mixli.

Minn qari tad-digrieti relattivi jirriżulta li din il-konsiderazzjoni hija korretta peress li għalkemm il-kwistjoni ta’ diżordni pubbliku ssemmiet huwa ċar li d-deċiżjonijiet tal-Qorti ma kinux imsejsin fuq din il-kwistjoni. Għaldaqstant il-Qorti tqis li l-appellant ma ressaq l-ebda argument li huwa suffiċjenti sabiex din il-Qorti tissostitwixxi d-diskrezzjoni tal-Ewwel Qorti.

Għal dawn il-motivi il-Qorti Kostituzzjonali qalet li qed tiddeċiedi billi tiċħad l-appell tal-atturi u tikkonferma s-sentenza appellata, bl-ispejjeż tal-appell kontra Agius. L-Avukat tal-Istat Chris Soler u l-Avukat Charlene Zarb irrappreżentaw lill-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat filwaqt li l-Avukat Vannessa Grech dehret għar-Reġistratur tal-Qrati.