Lokali Qorti

Miċħuda talba ta’ Yorgen Fenech biex ma jgħaddix ġuri quddiem l-Imħallef Edwina Grima

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Anna Felice ċaħdet talba tan-negozjant Yorgen Fenech biex il-ġuri tiegħu li għandu jsir is-sena d-dieħla ma jinstemax quddiem l-Imħallef Edwina Grima. Huwa jinsab mixli bl-involviment fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fis-16 ta’ Ottubru ta’ ħames snin ilu.

Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti qalet li tinsab perplessa kif Fenech qed jiddubita lill-Imħallef Edwina Grima mill-imparzjalità tagħha u mill-banda l-oħra qed jilmenta li għandha tkun parti mill-appell fil-ġuri tiegħu jekk dan ikun il-każ. Il-Qorti qalet li l-aġir ta’ Fenech ikompli jsaħħaħ il-fehema tagħha li l-ilment tiegħu kien maħsub biex itawwal il-proċeduri fil-Qrati.

Fenech jinsab mixli b’kompliċità fil-qtil ta’ Caruana Galizia bil-prosekuzzjoni qed tgħid li kien hu l-mandant tad-delitt meta qabbad lil diversi persuni u ħallashom biex joqtlu lill-ġurnalista. Fenech kien beda proċeduri fil-Qorti u qal li m’għandux is-serħan tal-moħħ li l-Imħallef Edwina Grima se tkun imparzjali għax l-Avukat Ġenerali kien involut fl-għażla tagħha meta qed akkużah bil-qtil.

Kien qal ukoll li jekk l-Imħallef Grima tisma’ l-ġuri hija ma tkunx tista’ tippresiedi fuq il-Qorti tal-Appell f’każ li jsir appell mill-ġuri. L-Imħallef Anna Felice fid-deċiżjoni tagħha qalet li dawn iż-żewġ argumenti jmorru kontra xulxin. Sostniet ukoll Qorti hija perplessa b’din l-argumentazzjoni li tmur minn kull sens ta’ loġika.

“Kif jista’ jkun li Fenech minn banda jiddubita l-imparzjalità tal-Imħallef li qegħda tippresedi l-ġuri u fl-istess waqt jisħaq bis-saħħa li din għandha eventwalment tisma’ l-appell? Il-loġika tiddetta li jew għandu fiduċja fl-Imħallef jew m’għandux u huwa proprju b’din il-motivazzjoni li tqis l-ilmenti tiegħu bħala kontradittorji.

L-Imħallef Felice fakkret ukoll li fiwaqt li Fenech kien diġà talab biex ma tkunx l-Imħallef Edwina Grima li tisma’ l-ġuri f’istanzi oħra qal li kellu fiduċja sħiħa fiha u ddikjara li ma kellu ebda oġġezzjoni li tisma’ l-każ tiegħu hi. Waqt li ddeskriviet l-allegazzjonijiet ta’ Fenech bħala “serjissimi”, l-Imħallef Felice ddikjarat li dawn ma ġewx pruvati.

L-Imħallef Felice ikkonkludiet li l-aġir ta’ Fenech ikompli jsaħħaħ il-fehma tagħha li l-ilment tiegħu kien maħsub biex itawwal il-proċeduri fil-Qrati lokali. Għal dawn ir-raġunijiet ċaħdet it-talba li għamel in-negozjant li bħalissa qed jinżamm il-ħabs jistenna li jgħaddi ġuri, li għalkemm għadu ma ġiex appuntat huwa maħsub li għandu jsir is-sena d-dieħla. Għal Fenech qegħdin jidhru l-Avukati Charles Merceica, Gianluca Caruana Curran u Marion Camilleri.