Lokali Qorti

Multa ta’ €38,000 u sentenza sospiża għal raġel li jirreġistra u lgħab €500,000 u ħa €60,000 f’benefiċċji soċjali

Raġel ta’ 48 sena minn Birkirkara li kien jirreġistra għax-xogħol u li f’perjodu ta’ 10 snin irċieva €60,000 f’benefiċċji soċjali u li f’dan il-perjodu lgħab man-nofs miljun ewro f’Casinos u dan meta għal snin twal kien jaħdem bħala xufier ta’ taxi bla permess, kien ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin, immultat €38,000 u ordnat ukoll jagħti lill-Gvern kważi nofs miljun ewro wara li nstab ħati ta’ ħasil ta’ flus.

Patrick Gatt nstab ħati li bejn Jannar 2010 u Jannar 2020 ikkommetta ħasil ta’ flus kif ukoll li kiser diversi sentenzi tal-Qrati ta’ Malta. Il-ħati għandu wkoll ħafna każijiet pendenti relatati ma’ droga. Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li quddiemha nstema’ l-każ semgħet kif il-Pulizija bdiet tinvestiga wara li rċeviet informazzjoni li l-akkużat kien lagħab madwar €300,000 f’casinos lokali meta la kien jaħdem u lanqas iddikjara dħul mal-Kummissarju tat-Taxxa. Il-ħati stess ammetta li waqt li kien qed jieħu l-benefiċċji kien jaħdem ukoll.

Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha qalet li kien aħjar li kieku Gatt għażel kif kellu d-dritt li jagħmel, għażel li ma jixhidx, għax bil-kontradizzjonijiet tiegħu aktar tefa’ l-ġebla fuq saqajh. Il-Pulizija rriżultalha li fil-kontijiet bankarji tiegħu kien hemm ftit flus u li bdew jiżdiedu fis-snin ta’ wara waqt li bejn l-2010 u l-2020 kien għamel negozju fuq sitt karozzi.

Ħareġ ukoll fil-Qorti li f’perjodu ta’ 10 snin huwa lagħab €651,000 bl-ammont jinkludi €278,450 f’rebħ, anke jekk mill-provi rriżulta li l-flus minfuqa fuq il-logħob kienu ta’ kważi nofs miljun ewro u r-rebħ kien biss ta’ €15,000 . Mill-provi rriżulta li meta uffiċjal tal-Casino f’Portomaso talbu biex jimla formula dwar is-sors tal-flejjes li kien qed jilgħab, huwa qabad u qatta’ l-formula.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Pauline Bonello kkalkulat li Gatt lagħab €491,090 li kienu ġejjin minn sorsi illegali u dawn il-flus lagħabhom bi flus kontanti. Fil-Qorti xehdu rappreżentanti tad-diversi Casinos lokali fejn qalu kollha li Gatt kien jilgħab bi flus kontanti. Rappreżentant ta’ Jobsplus qal fil-Qoti li fil-perjodu fejn Gatt kien akkużat b’ħasil ta’ flus huwa ma kienx jaħdem. Xehed ukoll rappreżentant tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali li qal li fl-10 snin imsemmija Gatt irċieva €59,791 f’benefiċċji soċjali.

20 sena jaħdem bħala xufier tat-taxi mingħajr ma kien reġistrat

Xhud ieħor kien rappreżentant tad-Dipartiment tal-VAT li qalet li għalkemm kien għamel madwar 20 sena jaħdem bħala xufier tat-taxi qatt ma kien reġistrat magħhom. Rappreżentant ta’ Transport Malta qalet kif fil-perjodu msemmi kellu sebgħa karozzi reġistrati fuq ismu fosthom tnejn Mercedes u żewġ BMW’s.

Xhieda oħra qalu li Gatt kien jinnegozja fil-bejgħ u x-xiri ta’ karozzi waqt li oħrajn qalu li kien iħallashom tad-dejn li kellu magħhom fil-ħin. Wara li semgħet il-provi, il-Maġistrat Frendo Dimech qalet li għalkemm ipprova jagħti l-impressjoni li kien berbaq ġidu kollu fil-logħob, ix-xhieda li ressaq huwa stess, kollha qalu li kien iħallas fil-ħin id-djun li jkun daħal fihom biex iħallas it-taxi li kien qed jikri jew il-karozzi li kien jixtri.

Il-Maġistrat qalet ukoll kif minkejja li huwa qal li kien iqatta’ ħafna ħin fil-casinos, xhieda li tella’ hu stess qalu li kien iqatta’ ħafna ħin ukoll jaħdem bit-taxi. Il-Maġistrat Frendo Dimech semmiet ukoll kif Gatt innifsu ammetta li waqt li kien qed jirreġistra u jieħu r-relief kien jaħdem.

Il-Maġistrat Frendo Dimech irrimarkat li kien ikun aktar għaqli li kieku ma xehedx għax fir-risposti tiegħu wera kemm dak li kien qal ma kienx minnu u kien qed jikkontradixxi lilu nnifsu. Il-Qorti qalet li Gatt gideb meta qal li qatta’ l-formula li tah impjegat ta’ casino dwar is-sors minn fejn kienu ġejjin il-flus għax kien tilef il-flus għax mill-provi rriżulta li kien il-casino li mela l-formula.

Qalet li anke ommu ħawdet fix-xhieda tagħha għax qalet li għaddietlu €125,000 fis-sena 2000 meta sal-2007 Malta kien għad kellha l-Lira u mhux l-ewro.It-taħwid fix-xhieda ta’ din il-povra omm ma jieqafx hawn għax tispiċċa tixhed li waqt li taf li binha kien maħkum mill-vizzju tal-logħob, għaddietlu l-flejjes li kellha miżmumin għandha u dan għamlitu proprju biex ma jilgħabhomx.

Flus ma kienux ġejjin biss mit-taxi imma minn għejjun illegali

Il-Maġistrat Frendo Dimech qalet li mill-provi mressqa tibda tinduna li l-flejjes li ntlagħbu minn Gatt ma kinux, fil-parti l-kbira tagħhom, ġejjin mix-xogħol tat-taxi imma minn għejjun oħra li huwa jonqos li jgħid minn fejn. “Min ikollu sors leġittimu għal flusu m’għandux jiddejjaq jiddikjara minn fejn ġabhom”, qalet il-Maġistrat,

Hija semmiet ukoll li minbarra li għandu każijiet pendenti relatati mad-droga, il-provi juru kemm kien qed jevadi t-taxxa fejn l-qligħ mix-xogħol tiegħu minflok jiddikjarah mal-awtoritajiet kien jilgħabhom. Il-Qorti qalet ukoll li Gatt ma kienx nieqes mill-flus għax biex imantni lil uliedu u għall-vizzji tal-logħob u d-droga kellu.

Irriżulta li dawk il-flus kienu ġejjin minn impjieg mhux dikjarat, u b’hekk minn sors illeġittimu li suppost ġew dikjarati mal-awtoritajiet iżda baqgħu ma ġewx dikjarati, iddaħħlu fis-sistema finanzjarja tal-casino, fejn ġew ġenerati u minnhom anke kien hemm rebħ, f’dak il-mument seħħ ir-riċiklaġġ.

“M’hemmx dubju li l-imputat kien qed jiffroda lill-gvern meta mhux talli ma kienx qed jiddikjara taxxa fuq id-dħul u VAT fuq l-introjtu tiegħu u servizzi li kien jagħti, iżda kien anke jieħu benefiċċji soċjali. Magħdud ma’ dan, ma jridx jintesa li preċiżament fiż-żmien tal-akkużi li ħarġu kontrih, instab ħati ta’ traffikar ta’ narkotiċi kif ukoll ta’ użura. Barra minn hekk fil-konfront tiegħu għad hemm pendenti proċeduri oħra relatati ma’ droga” qalet il-Qorti.

Il-Maġistrat Frendo Dimech sostniet li meta ġiet biex tikkunsidra l-piena ħasbet fit-tul u sostniet li m’hemmx dubju li Gatt wettaq reati serji li jimminaw l-kredibbiltà u l-istabbilità finanzjarja ta’ pajjiżna jekk ma jiġux imrażżna waqt li fil-passat kien instab ukoll ħati ta’ traffikar ta’ droga u użura.

Fl-istess waqt ikkunsidrat li kien maħkum mill-vizzju tal-logħob li rikbu u ddettalu ħajtu tant li għalkemm lagħab kważi nofs miljun fuq 10 snin rebaħ biss €15,000 kif ukoll li impenja ruħu biex joħroġ mill-vizzju tad-droga.Għaldaqstant il-Qorti, minkejja li tagħraf is-serjetà tal-għemil li tiegħu qed jinstab ħati l-imputat, ma tistax ma tikkunsidrax kif l-imputat għaraf jegħleb il-problemi li kienu wassluh f’din l-estremità u jidher li sar progress kbir fl-imputat fejn qed ikompli fit-triq li jirriforma u jirrijabilita ruħu.

Kien għalhekk li waqt li sabitu ħati ta’ ħasil ta’ flus iddeċidiet li minflok piena ta’ ħabs effettiva tikkundannah għal piena ta’ ħabs sospiża, multa u r-rifużjoni ta’ kważi nofs miljun lill-Gvern. Hija ordnat ukoll li din is-sentenza tintbagħat lill-Kummissarju għat-Taxxi sabiex jara jekk għandux jinvestiga d-dħul leġittimu ta’ Gatt u lid-Direttur Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali biex jiġi investigat jekk dan il-każ jimmeritax rifużjoni ta’ ħlasijiet f’benefiċċji soċjali li għandhom imorru għand min tassew jimmeritahom. Għal Patrick Gatt deher l-Avukat Jason Grima.