Internazzjonali

Stati Uniti: Luttu għall-kantanta Christine McVie ta’ Fleetwood Mac

Id-dinja tar-Rock tinsab f’luttu għat-telfa ta’ Christine McVie, membru prominenti tal-grupp famuż Fleetwood Mac u li kienet kitbet uħud mill-aktar kanzunetti popolari tagħhom.

McVie, ta’ nisel Britanniku, mietet l-isptar fl-età ta’ 79 sena wara marda qasira u se tibqa’ imfakkra bħala ikona tal-ġeneru soft-rock u l-protagonista wara kanzunetti bħal  Little Lies, Everywhere, Don’t Stop, Say You Love Me u Songbird.

McVie kienet iżżewwġet lil John McVie, il-bassista ta’ Fleetwood Mac, u ssieħbet mal-grupp fil-bidu tas-sebgħinijiet. Fl-1998 hi kienet telqet lill-grupp wara 28 sena ta’ impenji mużikali iżda rritornat mill-ġdid fl-2014.

Christine McVie  kienet anki protagonista wara l-proġett Rumours ta’ Fleetwood Mac li kien ħareġ fl-1977 u li jibqa’ fost il-best-selling albums fl-istorja tal-mużika Rock.