Lokali

3 SNIN AGUNIJA: “Familja mkissra, tibki kuljum minħabba dak li ilna għaddejjin minnu”

“Ninsab bla saħħa… il-familja qed tibki kuljum”.

Dan hu dak li qalilna Peter Caruana, missier li minħabba inċident li seħħ 3 snin u 3 xhur ilu spiċċaw bħala familja ma jistgħux jgħixu f’darhom, bl-inkjesta ilha għaddejja żmien.

Meta għandek id-dar tiegħek u tispiċċa barra u ma tafx meta se tidħol, tiġi daqs li kieku, bla saħħa, totalment bla saħħa, familja mkissra. Fejn ngħixu aħna huwa flat bil-kera, m’għandekx dawk il-faċilitajiet li kellna d-dar, nofs il-ħwejjeġ fil-kaxxa tal-kartun, tas-sajf noħorġuhom qabel is-sajf u viċi versa.”

Is-sitwazzjoni tal-familja Caruana issa ilha ‘l fuq minn 3 snin, bil-kuntrattur li kien qed jagħmel ix-xogħol joffri flat, mingħajr ma jħallsu huma.

3 snin ilu, kienu qed iħammlu ħdejna u ġara inċident u faqgħu l-ħajt tal-bitħa tiegħi…. L-inkjesta ilha għaddejja żmien, u issa lbieraħ ġara li ġara..”

Wara l-inċident li ġara l-Ħamis filgħxija fejn sfrondad it-triq, għal xi ħin il-familja sofriet danni mod ieħor, fejn anki beda dieħel id-drenaġġ fid-dar kollha.

Kien il-Ħamis meta uffiċjali tal-Pulizija flimkien ma’ membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu msejħa fi Triq Xagħra tal-Bandieri f’San Pawl il-Baħar wara li sfrondat parti minn din it-triq bil-konsegwenza li numru ta’ garaxxijiet spiċċaw mirdumin taħt il-ġebel.

Dwar dan il-każ għaddejja investigazzjoni.