Lokali

“B’din il-liġi se jingħata lok li tkun sagrifikata t-tarbija” – Marie Louise Coleiro Preca

"Il-ħajja m'għandhiex kulur"

Il-ħajja m’għandhiex kulur… dan mhux żmien ta’ diviżjoni politika”. Hekk iddikjarat il-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca meta indirizzata koferenza tal-aħbarijiet li saret quddiem il-bini tal-Parlament.

Hija stqarret li tinsab inkwetata b’din l-emenda li l-Gvern ta’ Robert Abela jrid li jdaħħal fil-liġi Maltija. Marie Louise Coleiro Preca qalet li b’din l-emenda li jrid idaħħal il-Gvern, se jingħata lok li tkun sagrifikata l-ħajja tat-tarbija.

Hija saħqet li hawn qed nitkellmu fuq id-dritt ta’ kull bniedem inkluż tat-tarbija fil-ġuf. Sostniet li s’sissa ma kien hemm ebda avviċinament min-naħa tal-Gvern biex issir konsultazzjoni fuq liġi daqstant delikata.

Appellat sabiex id-Deputati jgħolew ‘l fuq mill-partiġjaniżmu u jħarsu l-ħajja tat-tarbija fil-ġuf. Marie Louise Coleiro Preca qalet li din il-liġi se twassa għal bidla morali fil-mentalità ta’ pajjizna.

Hija appellat biex nhar il-Ħadd li ġej kulħadd jingħaqad biex isemma’ leħnu fil-mixja li se tkun organizzata fil-Belt Valletta fit-3pm… mixja biex l-abort ma jidħolx f’pajjiżna.

Min-naħa tagħha Miriam Sciberras saħqet li għandu jsir kull sforz sabiex tkun protetta t-tarbija fil-ġuf fejn qalet li mhux aċċettabbli li f’Malta jiddaħħal l-abort.

Miriam Sciberras qalet li din il-klawsola li qed iressaq il-Gvern se twassal biex l-abort jidħol f’pajjiżna. Kien hawn li għamlet referenza għal dak li ġara f’pajjiżi oħra. Sostniet li l-Life Network Foundation kitbet ittra lill-Prim Ministru Robert Abela fejn appellat għal diskussjoni dwar din l-emenda.

Hija għamlet referenza għall-protesta ‘Int tista’ ssalvani’ li se ssir nhar il-Ħadd li ġej fejn qalet li matul din il-protesta se jkun hemm numru ta’ diskorsi minn persuni li ġejjin minn kull qasam tas-soċjetà. Diskors li kollha se jappellaw lill-Gvern biex jirranġa l-emenda li qed tkun proposta… emeda li se ddaħħal l-abort f’Malta.