Lokali

“Bernice kienet mara b’valuri mill-isbaħ”

Omm b’valuri mill-isbaħ, li kienet taf tħobb… mara tal-familja li tat l-aħjar trobbija lil uliedha.

Hekk kienet deskritta Bernice Cassar meta l-Ġimgħa waranofsinhar ngħatat l-aħħar tislima fil-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ, f’ċelebrazzjoni li kienet immexxija mill-Arċipriet ta’ Ħaż-Żebbuġ Fr Albert Buhagiar.

Bernice Cassar inqatlet kiesaħ u biered fit-22 ta’ Novembru li għadda b’żewġ tiri ta’ arma tan-nar f’Raħal Ġdid.

Fi knisja ppakkjata bin-nies, il-Kanonku Dun Joe Mizzi ddeskriva lil Bernice bħala persuna li dejjem kienet tfittex li tagħmel il-ġid ma’ kulħadd.

Huwa qal li minn din it-traġedja rridu nieħdu tagħlima biex jissaħħu r-relazzjonijiet fil-familji u wieħed ifittex l-għaqda mingħajr ma jkun hemm element ta’ egoiżmu. Dan filwaqt li kkundanna kull att ta’ vjolenza domestika u kull ħaġa li tista’ tagħti lok biex issir din it-tip ta’ vjolenza.

Fl-omelija tiegħu Dun Joe Mizzi tkellem ukoll dwar l-importanza li titħares il-ħajja mit-twelid sal-mewt naturali tagħha. Dan hekk kif  saħaq li l-ħajja hija l-isbaħ rigal li Alla jista’ jagħti lil bniedem.

Fost dawk li qraw it-talbiet tal-fidili kien hemm it-tifel ta’ Bernice illi rringrazzja lil ommu ta’ dak kollu li għamlet miegħu u ma’ oħtu matul ħajjitha.

Preżenti għall-funeral kien hemm il-ġenituri ta’ Bernice kif ukoll ħutha u bosta qraba u ħbieb.. fosthom dawk li kienu jaħdmu magħha.

Il-każ ta’ Bernice  Cassar huwa l-ewwel każ ta’ femiċidju li seħħ f’pajjiżna wara li allegatament inqatlet mir-raġel tagħha Roderick Cassar.