L-Erbgħa l-Awditur Ġenerali ħareġ rapport li fih ċanfar bl-aktar mod ċar lill-Gvern u partikolarment lill-Ministeru ta’ Għawdex għal nuqqasijiet kbar li sab fis-servizzi li qed jipprovdi l-Gvern f’dan is-settur. Abbuż sfrenat minn flus il-poplu għad-detriment tal-anzjani stess li jagħmlu użu minn dawn is-servizzi jew li jeħtieġu dawn is-servizzi.
Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Anzjanità Attiva u Assistent Whip Paula Mifsud Bonnici u mill-Kelliem għal Għawdex Alex Borg, il-Partit Nazzjonalista saħaq li jirriżulta li 31% tas-servizz kollu tal-Home Help mhux qed jingħata lill-anzjani fi djarhom, iżda taparsi qed jingħata fl-uffiċini tal-gvern f’Ghawdex. Is-sena l-oħra biss, dan il-Gvern ħallas l-ammont ta’ €500,000 għal servizz fantażma ta’ Home Help fl-uffiċini tiegħu.
Il-Gvern irid jgħid minnufih għand min verament marru dawn il-flus, kif ukoll jispjega lil min tħallsu 17% tas-sigħat ta’ Home Help li suppost kienu allokati lill-anzjani iżda ma ngħatawlomx.
L-Awditur Ġenerali ċanfar lill-Gvern talli nefaq mill-anqas miljun ewro fuq dar għall-anzjani li ilha mwegħda sa mill-2013 u li ma sar l-ebda xoghol fiha s’issa, tal-ħlasijiet eżorbitanti li qed iħallas il-Gvern għal kull sodda f’Downtown Hotel, kif ukoll għal nuqqasijiet oħrajn li jeżistu fis-servizzi fil-komunità.
Il-Gvern baqa’ sieket. Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-awtoritajiet kompetenti li jagħmlu l-investigazzjonijiet tagħhom biex jaraw min kien responsabbli għal dawn l-abbużi u jittieħdu l-passi kollha meħtieġa.
Fuq kollox, il-Partit Nazzjonalista jisħaq li l-anzjani tagħna għandhom jingħataw is-servizzi kollha li jixirqilhom fil-gżira Għawdxija.
//= $special ?>