Futbol Sport

Għada jirritorna l-Kampjonat BOV Premier

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Wara waqfa ta’ tliet ġimgħat, bl-eċċezjoni tat-tkomplija tal-partita bejn Żebbuġ Rangers u Ħamrun Spartans, għada jirritorna l-Kampjonat BOV Premier bil-logħbiet mit-12-il ġurnata.

Sirens vs Hibernians | Għada, f’12:00 fl-Istadium Nazzjonali

Konfront li l-Pawlisti jibdew favoriti iżda kontra tim li ġej minn żewġ rebħiet kontra Gudja u Marsaxlokk rispettivament. It-tim immexxi minn Winston Muscat kien għadu bla rebħa fl-ewwel disa’ logħbiet tal-Kampjonat iżda wara tliet draws konsekuttivi kiseb żewġ rebħiet li begħdhom xi ftit mill-aħħar postijiet tal-klassifika. Hibernians ukoll kellhom bidu daqxejn iebes iżda issa sabu saqajhom u jinsabu fit-tielet post b’21 punt, punt taħt Gżira li jinsabu fit-tieni post u seba’ taħt il-leaders Ħamrun.

Gżira United vs Balzan | Għada, f’12:00 fis-Centenary Stadium

Gżira United, fit-tieni post tal-klassifika, se jfittxu li jirritornaw lura għar-rebħ wara d-draw kontra Birkirkara bi tliet punti jkunu importanti kemm biex jibqgħu fil-pass mal-Ispartans kif ukoll biex ma jinqabżux minn Hibernians. Minn naħa l-oħra Balzan ġejjin minn tliet telfiet konsekuttivi u minn ħames logħbiet bla ma jirbħu u għalhekk, konxji mill-qawwa tal-avversarji, it-tim immexxi minn Oliver Spiteri irid jibda jiġbor il-punti kemm jista jjkun malajr biex ma jkomplix jitbiegħed minn nofs il-klassifika u ‘l bogħod miż-żona tar-relegazzjoni jew play-off.

Floriana vs Marsaxlokk | Għada, fis-14:15 fl-Istadium Nazzjonali

Konfront interessanti bejn Floriana u Marsaxlokk bil-Furjaniżi se jkunu qed jipprovaw iżommu l-forma li kienu għaddejjin biha qabel il-waqfa bi tliet rebħiet konsekuttivi filwaqt li Marsaxlokk se jkunu qed ifittxu l-ewwel rebħa f’erba’ logħbiet biex jerġgħu jaqbdu r-ritmu li sabu fil-bidu t’Ottubru wara bidu diffiċli.

Ħamrun Spartans vs Santa Lucia | Il-Ħadd, fil-11:30 fis-Centenary Stadium

Friski mill-ewwel telfa tal-istaġun nhar il-Ħadd li għadda kontra Żebbuġ, Branko Nisevic se jkun qed jitlob li l-iskwadra żżomm il-konċentrazzjoni li kellha mill-bidu tal-istaġun u rebħa konvinċenti tkun importanti biex l-Ispartans jergħu lura għad-dominanza li kellhom s’issa. Minn naħa l-oħra ovjament Santa Lucia se jkunu qed jittamaw bil-kontra, iġifieri li l-Ispartans ikunu affetwati mit-telfa kontra Żebbuġ. Jekk le din se tkun partita oħra diffiċli għall-Yellows li huwa wieħed minn dawk it-timijiet li se jkun qed jissielet biex iżomm postu fl-ogħla diviżjoni, tragward li jidher kemxejn diffiċli.

Pietà Hotspurs vs Birkirkara | Il-Ħadd, fil-11:30 fl-Istadium Nazzjonali

Bħal Santa Lucia, it-tragward li jibqgħu fil-Kampjonat Premier għal Pietà kull ma’ jmur qed isir aktar diffiċli hekk kif huma jinsabu ankrati fl-aħħar post tal-klassifika b’4 punti. Il-partita kontra Birkirkara hija waħda fuq il-karta diffiċli għalkemm l-Istripes ilhom ma jirbħu sitt logħbiet li minnhom ħadu biss erba’ punti. Din il-logħba tista tkun ta’ boost morali għat-tim immexxi minn Giovanni Tedesco, sakemm Pietà ma jwettqux xi sorpriża fil-ġurnata.

Mosta vs Żebbuġ Rangers | Il-Ħadd, fis-14:00 fis-Centenary Stadium

Mosta u Żebbuġ jiltaqgħu kontra xulxin, biż-żewġ timijiet ġejjin minn rebħiet importanti kontra Balzan u Ħamrun rispettivament. Mosta jinsabu biss tliet punti ‘l bogħod mill-ewwel erba’ u rebħa tista tpoġġihom ma ta’ fuq, li minn segwa l-logħob tal-Mostin jista jgħid li jkun jixraqilhom. Żebbuġ, minkejja r-rebħa kontra Ħamrun, it-tieni waħda fil-kampjonat, jinsabu t-tielet mill-aħħar u għalkemm rebħa ma tbiddlilhom xejn f’dik li hi klassifika, tista tressaqhom aktar viċin it-timijiet ta’ fuqhom.

Valletta vs Gudja United | Il-Ħadd, fis-14:00 fl-Istadium Nazzjonali

Fl-aħħar nett Valletta kontra Gudja se tkun tfisser l-ewwel darba li l-kowċ Thane Micallef se jaffaċja lill-eks tim tiegħu minn meta telaqhom fis-sajf li għadda. Micallef se jkun qed jittama li l-iskwadra ma ġietx affetwata mill-waqfa hekk kif Valletta kienu sabu l-forma mixtieqa bi tliet rebħiet u draw mill-aħħar erba’ logħbiet. Gudja ta’ Agostinelli qed isibuha diffiċli biex jerġgħu jaqbdu r-ritmu li kellhom fil-bidu tal-istaġun hekk kif apparti rebħa kontra Pietà fl-aħħar ħames partiti ddiżappuntaw b’erba’ telfiet.