Internazzjonali

Il-Kanada: Tiżdied il-lista ta’ reati potenzjali minn ‘serial killer’

Raġel Kanadiż li qed jiffaċċja akkużi dwar l-omiċidju ta’ mara partikulari issa qed ikun akkużat ukoll b’konnessjoni ma’ talanqas tliet omiċidji oħra fil-belt ta’ Winnipeg….Qtil li fi kliem il-pulizija qed jidhru bħala reati ‘ippremeditati u sistematiċi’.

Kollox jindika li r-raġel – Jeremy Skibicki ta’ 35 sena —  jista’ hu serial killer b’mibgħeda speċjali għan-nisa indiġeni. Dan meta sa ftit sigħat ilu biss, l-unika akkuża formali fil-konfront tiegħu kienet tikkonċerna l-qtil ta’ mara ta’ 24 sena.

Madankollu, Skibicki, issa, qed jiffaċċja erba’ akkużi ta’ qtil tal-ewwel grad fost sinjali li l-vittmi l-oħrajn ukoll kienu membri ta’ komunità indiġena.

Winnipeg hi l-akbar belt fl-Istat ta’ Manitoba u l-awtoritajiet tal-pulizija lokali esprimew l-inkwiet dwar ‘sitwazzjoni ta’ serial killing’ — b’mod partikulari minħabba li r-reati kienu mirati għall-membri ta’ komunità etnika speċifika.