Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq: Sanzjonijiet ġodda dwar il-provi tal-missili

L-Istati Uniti u l-Alleati Asjatiċi imponew is-sanzjonijiet għal tliet uffiċjali ewlenin tal-Korea ta’ Fuq li huma assoċjati mill-qrib mal-aħħar provi tal-missili mill-Istat komunista.

Dan meta r-reġim komunista fi Pyongyang qed isir dejjem aktar aggressiv fost rekord ta’ provi għall-missili ballistiċi ( ‘il fuq minn 60) għal din is-sena. Minbarra dan, il-Korea ta’ Fuq wettqet il-provi speċifiċi għal diversi missili ballistiċi interkontinentali li wħud minnhom għandhom anki l-kapaċità biex jolqtu territorji fl-Istati Uniti ( u bl-aħħar prova tmur lura għat-18 ta’ Novembru li għadda).

Intant, il-Ġappun, il-Korea t’Isfel u l-Unjoni Ewropea segwew lill-Istati Uniti fl-impożizzjoni tas-sanzjonijiet fuq l-uffiċjali komunisti Jon Il Ho, Yu Jin u Kim Su Gil, li allegatament kellhom ‘rwol speċifiku’ fl-iżvilupp tal-missili.

Il-Korea ta’ Fuq ilha s-snin tiffaċċja s-sanzjonijiet mill-Punent u s-sanzjonijiet ġodda jfissru li l-assi kollha ta’ dawk it-tliet uffiċjali fl-Istati Uniti se jkunu friżati. It-tlieta lanqas ma jistgħu jidħlu fi tranżazzjonijet ma’ kwalunkwe individwu jew kumpannija fl-Istati Uniti.

Dan waqt li Washington tenna li s-sanzjonijiet qegħdin jenfasizzaw id-determinazzjoni tal-Istati Uniti u l-alleati tagħha biex jindirizzaw l-iskala u l-pass mgħaġġel tal-proġett ta’ Pyongyang ibbażat fuq l-isparaturi tal-missili bħala prova….Sinjal ċar li l-Korea ta’ Fuq qed tagħmel minn kollox biex ittejjeb il-kapaċitajiet militari tagħha.