Lokali

Il-PN jistaqsi lill-Kummissarju tal-Pulizija anke jekk il-Gvern qed jipprova jwaqqfu

Il-membri tal-Partit Nazzjonalista fil-Kumitat Permanenti tal-Kontijiet Pubbliċi (PAC) ppreżentaw ittra lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa, li fiha saru numru ta’ mistoqsijiet bil-miktub fir-rigward tal-investigazzjoni li qed issir dwar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-għotja tal-kuntratti lill-ElectroGas Malta Limited.

Hekk intqal fi stqarrija maħruġa mid-deputati Darren Carabott, David Agius u Graham Bencini.

Fost l-oħrajn, il-Partit Nazzjonalista qed jistaqsi dwar jekk il-Korp tal-Pulizija hux qed jinvestiga l-kuntratti mogħtija mill-Korporazzjoni Enemalta lil ElectroGas Malta Limited, jekk kienux mitkellma xi politiċi jew persuni b’involviment politiku fl-investigazzjonijiet u jekk kienx hemm min ma rrispondiex għall-mistoqsijiet tal-Pulizija biex jeżerċita d-dritt li ma jinkriminax lilu nnifsu.

Ukoll, il-Partit Nazzjonalista staqsa lill-Kummissarju jekk hux dispost li jsirulu mistoqsijiet quddiem il-Kumitat.

Dawn saru wara li, f’Lulju li għadda, l-istess membri tal-Kumitat riedu jistaqsu numru ta’ mistoqsijiet lill-Kummissarju quddiem il-Kumitat Permanenti tal-Kontijiet Pubbliċi, iżda d-Deputati tal-Gvern – għal darb’oħra b’abbuż mill-maġġoranza fis-siġġijiet mal-mejda tal-Kumitat – ivvotaw kontra u waqqfu li l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa jixhed dwar l-Electrogas u l-azzjonijiet tal-Ministri tal-Gvern.

Dan minkejja li quddiem l-istess Kumitat, u waqt investigazzjonijiet ta’ rapporti oħrajn, diġà kienu wieġbu għal xi mistoqsijiet eks Kummissarji tal-Pulizija u anke l-istess Angelo Gafa, bħala Uffiċjal tal-Pulizija qabel ma ġie nkarigat bħala Kummissarju tal-Pulizija.

B’hekk, u minkejja li l-Gvern qed ikompli bit-tattika tal-ħabi, il-Partit Nazzjonalista qed jirrikorri għal kull mod possibbli biex issir investigazzjoni effiċjenti, dettaljata u b’reqqa quddiem il-Kumitat.