Lokali

Il-President George Vella ma jiċħadx li lest jirriżenja jekk Abela jibqa’ ma jbiddilx il-liġi tal-abort

“Il-pożizzjoni tiegħi kulħadd jafha”.

Hekk sostna l-President tar-Repubblika ta’ Malta George Vella meta l-ġurnalisti staqsewh hux lest li jirriżenja jekk il-liġi tat-terminazzjoni ta’ tqala tibqa’ bl-istess diskors preżenti, diskors li l-Prim Ministru Robert Abela qed jibqa’ jistina rasu li jħalli l-istess.

Il-Ġimgħa filgħaxija Net News staqsa lill-President George Vella x’se jkun qiegħed jagħmel f’każ li l-liġi tiġi ppreżentata quddiemu bl-emenda preżenti kif inhi, bil-President jisħaq li huwa ma jaħdimx bil-jekk iżda se jkun qiegħed jistenna l-proċess demokratiku jseħħ…sabiex jieħu d-deċiżjoni eventwali tiegħu meta l-liġi tiġi ppreżentata quddiemu sabiex jiffirmaha.

Mistoqsi minn Times of Malta jekk preżentax huwa nnifsu emenda lill-Prim Ministru Robert Abela sabiex jbiddel l-emenda li jrid Abela….huwa ma ċaħadx, iżda ma xtaqx jiżvela x’qal lil Abela.

Mal-450 tabib, 44 għaqda, aktar minn 80 espert u akkademiku kif ukoll il-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca kienu voċiferi ħafna kontra l-emenda li qiegħed iressaq Robert Abela fejn qed jisħqu li b’tali diskors qiegħed idaħħal l-abort mill-bieb ta’ wara.

Dan hekk kif fl-emenda qiegħed jiddistingwi l-ħajja tal-mara mas-saħħa b’mod ġenerali. Fatt li l-esperti saħansitra saħqu li b’dan il-mod qiegħed idaħħal mit-tieqa l-abort…saħansitra fid-disa’ xahar tqala.