Internazzjonali

Ir-Renju Unit: ‘L-aħħar tislima’ ta’ Elton John waqt Glastonbury

Il-kantant u pjanista leġġendarju Elton John se jkun protagonista waqt il-Festival ta’ Glastonbury tas-sajf li ġej, b’dan se jkun anki l-aħħar impenn tiegħu fir-Renju Unit bħala parti mill-‘farewell tour’. Elton John se jkun l-attrazzjoni prinċipali fuq il-Pyramid Stage nhar il-Ħadd, il-25 ta’ Ġunju, u meta hu qed jaħseb biex isellem ‘b’mod spettakulari’  lid-dilettanti tal-mużika Britanniċi.

Il-kantant qal li diġà qed iħares ‘il quddiem bil-ħerqa għal dan il-festival u tenna li t-tislima mużikali tiegħu għandha tkun waħda mill-aktar mumenti kommoventi ta’ ħajtu.

Ix-show ta’ Glastonbury għandu jsir aktar minn ħames snin wara li Elton John ħabbar it-tour bl-isem Farewell Yellow Brick Road u li kien jinkludi xejn anqas minn 350 kunċert fi bnadi differenti.

It-tour kien ipprogrammat li jikkonkludi fl-2021 iżda baqa’ għaddej minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid u bil-kantant anki jagħmel xi żmien indispost wara li kien weġġa’ f’inċident.