Lokali Qorti

Jinżamm arrestat fuq allegat każ ta’ vjolenza domestika għax mhux jaċċetta li temmet ir-relazzjoni

Żagħżugħ ta’ 24 sena residenti Birżebbuġa inżamm arrestat wara li kien mixli b’theddid fuq dik li kienet is-sieħba tiegħu bil-prosekiuzzjoni tgħid li l-każ ta’ vjolenza domestika li ilu għaddej beda minn meta l-allegata vittma ddeċidiet li twaqqaf ir-relazzjoni miegħu.

L-Ispettur Omar Zammit spjega lill-Maġistrat Nadine Lia li minn Ottubru ‘l hawn ftit wara li r-relazzjoni twaqqfet mill-mara saru mill-inqas ħames rapporti minnha, liema mara hija omma ta’ żewġ t’itfal, waħda li hija taħt l-età u għad għandha 14-il sena.

Iż-żagħżugħ li ismu mhux qed jissemma biex tiġi protetta l-identità tal-vittmi ġie mixli li nhar l-Erbgħa, 30 ta’ Novembru u fil-ġranet u x-xhur ta’ qabel kkawża lil dik li kienet is-sieħba tiegħu u lil uliedha biża’ li se tintuża vjolenza fil-konfront tagħhom, u li kkawża biża wkoll fuq il-propjetà tagħhom.

L-Ispettur Zammit qal li l-aħħar rapport li sar jgħid li huwa mar wara l-bieb tal-eks partner tiegħu u beda jhedded li kien se jkisser il-bieb ta’ barra u li kellu wkoll fil-pusses tiegħu turnavit. Wara li kienu qed isiru r-rapporti l-akkużat kien ukoll mitkellem mis-sezzjoni tal-vjolenza domestika, fejn huwa qatt ma wieġeb għad-domandi li għamlulu, kif kellu d-dritt jagħmel.

Id-difiża mmexxija mill-Avukati Franco Debono, Francesca Zarb u Marion Camilleri għamlet talba għall-ħelsien tal-akkużat, liema talba sabet oppożizzjoni qawwija mill-prosekuzzjoni. L-Avukat Debono qal li l-klijent tiegħu huwa lest ,li joqgħod għall-kundizzjonijiet li l-Qorti tista’ tordna fosthom dik tad-depożitu, garanzija personali u xi ordnijiet oħra li l-Qorti tkun lesta timponi.

Debono qal ukoll li filwaqt li Malta hija żgħira, l-fatt li hu joqgħod Birżebbuġia u l-mara Raħal Ġdid tfisser li ma joqgħodux fl-istess raħal jew belt u li fl-awla hemm preżenti ommu u z-zija tiegħu li lesti jiefqu miegħu b’kull mod. L-Ispettur Omar Zammit oppona bil-qawwa kollha biex l-akkużat jingħata l-pleġġ fosthom minħabba l-biża li jistgħu jiġu kontaminati l-provi u li għad iridu jixhdu ulied il-mara, binha u bintha li hija taħt l-età.

Raġuni oħra qal l-Ispettur Zammit hija l-gravità tal-każ u li l-imputat mhux affidabbli. Il-Qorti ma laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq ir-raġunijiet li tat il-prosekuzzjoni u qalet li m’għandhiex is-serħan tal-moħħ li l-imputat joqgħod għall-ordnijiet tal-Qorti. Madankollu l-Maġistrat Lia ħeġġet lill-prosekuzzjoni biex iressaq ix-xhieda malajr kemm jista’ jkun.