Lokali Qorti

Konfermata deċiżjoni fejn mpjegata tkeċċiet mill-Air Malta b’mod inġust

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff ikkonfermat deċiżjoni mit-Tribunal Industrijali li sab lill Air Malta ħatja ta’ tkeċċija nġusta. Il-linja nazzjonali tal-ajru kienet appellat mid-deċiżjoni tat-Tribunal mogħtija miċ-Chairman Joseph Gerada fil-konfront ta’ Antoinette Bianchi.

Is-sentenza tgħid li l-mara ma gawditx mit-trattament li gawda minnu ħaddieħor u minflok impieg alternattiv l-ewwel qalulha biex tapplika għal early retirement scheme u wara keċċewha u lanqas biss esploraw il-possibilità li tingħata mpieg mal-Gvern, kif ingħata ħaddieħor.

L-Imħallef Mintoff qal fis-sentenza tiegħu li l-Air Malta tgħid li l-kumpens ordnat mit-Tribunal ma jistax jingħata, għaliex il-kumpannija għadha għaddejja b’diversi eżerċizzji ta’ ristrutturar, fl-aħħar xhur għadd ta’ ħaddiema tilfu l-impjieg tagħhom, u għalhekk mhux possibbli li hija tingħata l-impjieg tagħha lura.

Minn naħa tagħha Bianchi spjegat li hemm ukoll kwistjonijiet kuntrattwali u legali marbuta mar-ritorn fl-impjieg tagħha. Il-Qorti qa;et li t-Tribunal ma ddeċidiex li hija għandha tirritorna lura fl-impjieg bħala in ‘flight manager’, iżda ddeċieda li din għandha tiddaħħal lura fl-impjieg mas-soċjetà appellanta fi grad li jirrispetta l- kompetenza u d-dinjità tagħha.

Il-Qorti qalet li tifhem li sakemm il-linja tal-ajru għadha topera u għad għandha għadd ta’ rotot li ttir lejhom, hemm diversi pożizzjonijiet fil-kumpannija li l-mara hija kompetenti biex taħdem fihom. Il-Qorti tqis illi jekk huwa minnu dak li qed tallega s-soċjetà, li din hija sitwazzjoni ta’ redundancy, għandu japplika l-prinċipju ‘last in, first out’, kif
sewwa sostniet Bianchi, u mhux issir kampanja ta’ antagoniżmu fil-konfront tagħha, għaliex kien hemm xi ħadd li ddeċieda li jkun fl-interess ta’ din l-impjegata li tirtira mill-impjieg.

Il-qorti qalet permezz tal-appell tagħha, l-Air Malta tgħid li t-Tribunal laqa’ t-tieni talba tagħha parzjalment, u dan għaliex minkejja li ordna r-reinstatement tagħha fl-impjieg, dan naqas milli jiddeċiedi wkoll dwar is-salarji u l-bonuses li għandhom jitħallsu lilha.

Il-Qorti tqis li mill-atti jirriżulta li għal numru ta’ xhur waqt li ma kinitx qegħda tirrapporta għax-xogħol, hija tħallset salarju bażiku li ma jinkludix perkaċċi u allowances li kienu jkunu dovuti lilha li kieku tħalliet tirritorna lura għax-xogħol. Jirriżulta wkoll li waqt il-pandemija tal-COVID-19 hija rċeviet il-ħlas supplimentari li tħallas lil persuni li sofrew telf ta’ dħul minħabba l-effetti tal-pandemija, u kien hemm numru ta’ ġranet ta’ sick leave li għalihom rċeviet salarju sħiħ jew nofs is-salarju, skont kemm kien l-ntitolament tagħha dak iż-żmien.

It-Tribunal għandu jagħti valur il-politika soċjali u ekonomika

Il-Qorti tqis ukoll li t-Tribunal għandu, fl-għoti ta’ kull deċiżjoni tiegħu, iqis il-politika soċjali u ekonomika u l-prinċipji tal-ġustizzja soċjali li jkunu jipprevalu fiż-żmien tal-pronunzjament tiegħu. F’dan il-każ, it-Tribunal qies li filwaqt li l-appellata għandha tiġi reinstated fl-impjieg, din m’għandhiex tingħata ħlas ulterjuri għas-salarji u l-benefiċċji li tilfet tul is-snin.

Il-Qorti tqis però li fi kwalunkwe każ Bianchi ma ressqet l-ebda prova dwar kemm kien it-telf reali soffert minnha f’termini ta’ telf ta’ qliegħ, u minkejja li ngħataw ċifri approssimattivi, billi ssemmiet is-somma ta’ erbgħin elf Ewro
waqt id-depożizzjoni tagħha, hija ma ressqet l-ebda prova konkreta dwar kemm kien is-salarju u l-bonuses li hija tilfet tul dawn is-snin.

Il-Qorti tqis wkoll li l-appellata għandha proċeduri separati għaddejjin f’kawża quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, fejn qegħda titlob il-ħlas tad-danni sofferti minnha mingħand is-soċjetà. In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, il-Qorti
tqis li l-appell inċidentali tagħha mhuwiex ġustifikat, u tiċħdu.

Hija kienet impjegata mal-Air Malta plc fit-13 ta’ April, 1987 bħala skrivana u wara bħala cabin crew. Fl-2013 hija kienet bdiet tkun assenti mix-xogħol minħabba kundizzjoni medika. Minħabba li din il-kundizzjoni ppreżentat diffikultà
biex hija tkompli taħdem fuq ajruplan, Bianchi talbet biex tingħata xogħol alternattiv fl-uffiċċju li qatt ma ngħatat.

F’April tal-2018 l-Airmalta ħarġet skema ta’ irtirar kmieni mix-xogħol u Bianchi applikat biex tkun konsidrata, liema applikazzjoni għamlitha taħt ċerti kundizzjonijiet. Fis-26 ta’ Ottubru, 2018 il-Jobs Plus infurmat lil Bianchi, li l-Air Malta kienet itterminat l-impjieg tagħha, għax skond l-Air Malta kienet irreżenjat mill-impjieg tagħha, liema allegazzjoni, kienet miċħuda.

Għaldaqstant Bianchi talbet lit-Tribunal jiddikjara li ġiet imkeċċija mill-impjieg tagħha għal raġuni li mhix floka u suffiċjenti skont il-liġi, jiddikjara li għandha terġa’ tingħata lura l-impjieg tagħha u titħallas is-salarji u bonuses dovuti lilha skont il-liġi, u fil-każ biss li t-tieni talba ma tkunx tista tintlaqa’ minħabba raġuni valida fil-liġi, jiffissa u jillikwida kumpens xieraq u ġust.

Min-naħa l-oħra l-Air Malta plc spjegat illi Bianchi għal perjodu ta’ snin naqset serjament u kapriċċożament mid-dmir
tagħha li taħdem u minkejja dan hija xorta rreċiprokat b’mod ħanin meta kellha kull jedd li timxi diversament. Is-soċjetà qalet ukoll li Bianchi rriżenjat minn jeddha mill-impjieg li kellha qatt ma talbet biex l-applikazzjoni tagħha tal-iskema ta’ irtirar kmieni tkun revokata u lanqas li jkun hemm l-annullament jew tħassir tar-riżenja tagħha.

L-Air Malta qalet li qatt ma keċċiet lill-impjegata

L-Air Malta qalet li hi qatt ma keċċiet lil Bianchi mill-impjieg tagħha, u wisq aktar jista’ jingħad li kien hemm xi tkeċċija ingusta. Bianchi qalet li bdiet bdiet tfalli mix-xogħol peress li l-impjegati fis-sezzjoni ta’ cabin crew jitlob li l-impjegati jkunu ‘groomed’ tajjeb, il-policy tal-Air Malta dwar dan hija ċara li għalhekk talbet li ma tibqax ittir sakemm l-episodju jgħaddi.

Kienet tenniet l-ftehim kollettiv jipprovdi għal sitwazzjonijiet bħal dawn fejn impjegati li għal xi raġuni bħal “pregnancy” ma’ jkunux jistgħu itiru, jiġu ‘grounded’ u jingħataw xogħol alternattiv fl-uffiċċji tal-Air Malta. Bianchi qalet li minkejja diversi attentati anki permezz ta’ rappreżentazzjonijiet tal-Union tal-Cabin Crew kif ukoll ittri formali permezz
tal-avukat tagħha, il-kumpanija qatt ma offritilha xogħol alternattiv anzi hi tgħid li il-kumpanija pprekluditha milli tirritorna għax-xogħol.

Qalet ukoll li kien hemm żmien meta ħallsuha l-paga bażika imma mhux għal perjodu kollu u minħabba dan l-agir tal-kumpanija, hi sofriet danni konsiderevoli. Fl-ewwel ta’ Marzu, 2018 l-Air Malta ħarġet skema ta’ irtirar volontarju minn
mal-kumpanija (VRS) kif ukoll skema ta’ irtirar kmieni minn mal-kumpanija (ERS). Bianchi qalet kienet tikkwalifika għal VERS.

Fit-28 ta’ Marzu, 2018 applikat għal din l-iskema. Fost il-klawsoli tal-iskema hemm li; “Any payment made under this scheme is considered to be in full and final settlement of any claims that the employee may have against the
company in relation to his/her employment with the company and
termination of employment”.

Il-każ kien riferut lit-Tribunal Industrijali permezz ta’ rikors datat 27 ta’ Dicembru, 2018 permezz tal-Avukat Franco Galea f’isem Antoinette Bianchi. Min-naħa l-oħra s-soċjetà Air Malta plc irrispondiet fit-8 ta’ Frar, 2019 permezz tal-Avukati Robert Abela u Ryan C. Pace.

Fit-18 ta’ April, 2018, ir-rikorrenti rċeviet telefonata minn impjegat tal-Air Malt li qalilha li l-impjieg tagħha gie terminat. Fid-19 ta’ April, 2018 hij ppreżentat ittra uffiċjali kontra l-Air Malta affarijiet oħra s-Sa Bianchi talbet li titħalla tirritorna lura għax-xogħol.

L-Air Malta ma qablitx u qalet ukoll li Bianchi kienet qed tkun assenti mix-xogħol anki għal żmien twil għal raġunijet ta’ mard u li ma kinitx tibgħat iċ-ċertifikati mediċi lill-prinċipal tagħha u dan minkejja li nġibtitilha l-attenzjoni għal dan diversi drabi.

Is-soċjetà qalet li l-aħħar titjira li għamlet Bianchi kien fis-7 ta’ April, 2015. L-Air Malta ħatret bord mediku biex jara lilha u fil-11 ta’ Frar, 2016 iddikjara illi Bianchi mhix f’kundizzjoni tajba biex ittir. Fis-7 ta’ Lulju, 2016 kien hemm appuntament ieħor skedat imma Bianchi kienet indisposta kif ċertifikata mit-tabib tagħha. Fit-28 ta’ Lulju, 2016 il-Bord mediku informa lis-soċjetà li l-kundizzjoni tagħha baqgħat ma marritx għall-aħjar minn Frar 2016 u li l-istess Bord
kellu jerġa’ jeżaminaha fi zmien tliet xhur.

Fil-laqgħa tat-28 ta’ Lulju il-bord mediku esplora l-possibilità Bianchi tkun “Boarded out”, suġġeriment li hija rrifjutat.
L-Air Malta qalet li kienu għaddew aktar minn 14-il-xahar fejn Bianchi kienet nieqsa minn fuq il-post tax-xogħol li minħabba f’hekk is-soċjetà ma baqgħatx toħorġilha paga, peress li l-assenza tagħha ma kinitx qed tiġi korroborata bl-ebda mod.

Minkejja dan l-Air Malta qalet li ttentat tiddiskuti l-pożizzjoni tagħha, magħha u kif ukoll mal-kumitat eżekuttiv tal-Union of Cabin Crew (UCC) sabiex jinstab xogħol alternattiv lill-impjegata. Iżda l-Air Malta qalet li hi bl-iktar mod ċar, baqgħat konsekuttivament, tirrifjuta kull
opportunità ta’ xogħol.

Kenneth Aquilina li jiġi l-assistent taċ-Chief Human Resource Officer kien qal li l-maniġer responsabbli mill-cargo section ma riedx lil Bianchi taħdem f’din is-sezzjoni. Kienet x’kienet ir-raġuni vera qajla wieħed jista’ jqies din bħala offerta serja ta’ xogħol.

Minkejja ir-referenza ta’ xogħol alternattiv ma kienx hemm referenza fil-file personali

Ma’ dan it-Tribunal kien innota li minkejja li Kenneth Aquilina kien imqabbad miċ-Chief Human Resource Officer biex isib xogħol alternattiv lil Bianchi dan ta’ l-aħħar qatt ma jsemmi l-offerta tal-head office u c-check in clerk fix-xhieda
tiegħu u anqas hemm referenza għalihom fil-file personali tagħha. L-istess issostni r-rappreżentanta tal-Union tal-Cabin Crew, Karen Valletta.

Apparti s-suġġeriment tagħha stess lill-Maniġment biex jesploraw il-possibilità ta’ xogħol fil-cargo section, tgħid li ma kien hemm l-ebda offerta oħra ta’ xogħol alternattiv. Ic-Chief Human Resource Officer qal li mhux dejjem kien jiddokumenta kollox biex jipproteġi lil Bianchi għaliex kif jgħid hu; “kienet sitwazzjoni fejn ikolli nitterminalha l-impjieg tagħha.

Jien ma’ ridx nasal f’dik it-triq”. Qal ukoll li kellu l-awtorità li jimponi fuq id-dipartimenti biex jieħdu impjegati
ġodd. Però din l-awtorità qatt ma użaha u jgħid li hu dejjem għażel li jimxi b’kompassjoni u bil-paċenzja anki bl-ingwanti tal-ħarir ma’ Bianchi.

Quddiem dawn id-dikjarazzjonijiet, it-Tribunal kien nnota li l-uffiċjal l-aktar anzjan għazel li jimxi b’kompassjoni li hija kommendabbli iżda din mhix bla limiti. Jekk għal mument naċċettaw li verament ġew offruti tliet opportunitajiet ta’ xogħol li ġew rifjutati, il-kompassjoni taċ-Chief Human Resource Officer ma kienet qed twassal għal imkien ħlief li jpoġġi lil Bianchi f’sitwazzjoni aktar prekarja għall-impjieg tagħha għaliex ma jagħmilx sens li tkun impjegata u fl-istess ħin ma taħdimx.

Jekk l-istrateġija kienet li l-kumpanija timxi b’kompassjoni bla limitu u ma tiħux passi dixxilpinarji kif il-kumpanija kellha kull dritt li tagħmel u fl-istess ħin, anqas ma tinsisti ma’ xi wieħed mid-dipartimenti tal-Air Malta biex iħaddmu magħhom lil Bianchi , allura wieħed jistaqsi, b’liema mod il-kumpanija kienet sa ssolvi din is-sitwazzjoni?

Min-naħa l-oħra hemm il-verżjoni ta’ Bianchi li b’mod konsistenti kienet titlob lil diversi uffiċjali tal-kumpanija biex tingħata x-xogħol lura. Lil Charlene Bebbiano li meta ġiet ‘grounded’ talbitha xogħol fl-uffiċċju sakemm jgħaddi l-episodju tal-problema medika.

Lil Evan Cutajar talbitu ix-xogħol lura ta’ ‘cabin crew’ u sakemm tagħmel il-kors tingħata xogħol fl-uffiċċju. Lil James Genovese talbitu tagħmel il-kors biex tkun tista terġa’ ttir fuq l-ajruplain. Lil David Bonello meta rriaffermat li għadha trid il-job tagħha ma’ l-Air Malta;

Hemm ukoll ix-xhieda ta’ Karen Valletta rappreżentanta tal-Union tal-Cabin Crew li tgħid; “U kull meeting li kien ikollna mal-kumpanija konna nistaqsu fuq updates jekk se jsibulhiex xogħol jew le, imma qatt ma tawna risposta.” B’mod aktar formali l-Avukat tagħhaa Franco Galea fl-ittra tiegħu tat-28th March 2018 kiteb:

“Il-klijenta tiegħi terġa’ titħalla tirritorna għax-xogħol mal-Air Malta u jekk il-kumpanija jidhrilha li hemm raġunijiet li għandhom jiġu dikjarati għalfejn il-klijenta tiegħi ma għandhiex tibqa’ titla’ fuq l-ajruplani, skont il-ftehim kollettiv tingħata xogħol alternattiv mal-kumpanija li jkun jirrispetta l-grad tal-klijenta tiegħi u d-dinjita tagħha”

Fl-ittra uffiċjali tad- 19 ta’ April 2018 l-istess avukat jikteb; “tinterpellak sabiex immedjatament tħalli lill-mittenti tirritorna lura għax-xogħol.” It-Tribunal kien innota li l-Air Mata tagħmel argument li r-rikorrenti kienet kważi kapriċċjuża meta talbet ix-xogħol tagħha lura meta kienet taf li ma kinitx fi stat li tagħmel dan skont ir-regoli Ewropej.

Però min-naħa l-oħra s-soċjetà donnha għalqet għajnejha għal fatt li dan l-episodju ta’ alopecia ma kienx wiehed permanenti anzi kien temporanju u fil-fatt għadda, il-kundizzjoni irriżolviet ruħha u hi setgħet u issolvi l-problema. Minkejja dan Bianchi baqgħet ma ngħatatx xogħol alternattiv wisq anqas intweriet kompassjoni jew ingwanti tal-ħarir f’dan ir-rigward.

Għalhekk meta wieħed jevalwa n-nuqqas ta’ evidenza ta’ offerti ta’ xogħol, nuqqas ta’ dokumentazzjoni ta’ ħidma f’dan ir-rigward u jipparagunha mal-evidenza ppreżentata biex tirritorna għal xogħol produttiv, it-Tribunal wasal għal konklużjoni li Bianchi kienet ġenwina meta kienet titlob xogħol alternattiv u għamlet ħilitha kollha biex dan iseħħ.

Il-fatt li dan qatt ma seħħ ma jirrifletti xejn fuqha imma biss fuq il-kumpanija konvenuta li mill-bidu nett kellha r-responsabbilta’ li toffri xogħol alternattiv u li tara li l-impjegata inkwistjoni tissetilja fih b’mod produttiv u effiċjenti.

Ic-Chief Human Resource Officer kien spjega “mela Antoinette Bianchi f’dan il-perjodu qed titħallas tas-sick leave, l-understanding kien ċar mal-Union illi Antoinette Bianchi ladarba għadna qed inħallsuha se nħallsuha għax se tieħu l-iskema tal-irtirar jew inkella se nitterminawlha l-impjieg aħna. Din kienet il-pożizzjoni tal-kumpanija”

Infatti meta Bianchi permezz tal-ittra tad-19 ta’ April, 2018 talbet li tingħata x-xogħol tagħha lura r-risposta taċ-Chief Human Resource Officer kienet ċara biżżejjed; “U Antoinette Bianchi aħna għidnielha “Le, inti applikajt, ilni għaddejjin
dan iż-żmien kollu b’din is-sitwazzjoni kollha, issa trid tieħu l-Early Retirement Scheme”.

Meta jkunu għaddejjin negozjati dwar xi impjegat partikolari, kull ftehim aħħari jrid ikun aċċettat u maqbul mill impjegat innifsu – Fil-każ tas-Sa Bianchi, ingħatat inkoraġġiment personalizzat permezz ta’ ftehim bejn il-maniġment u l-Union, l-opportunità ta’ xogħol mal-Gvern qatt ma ġiet esplorata serjament magħha minkejja li kienet
għamlet riferenza għaliha fil-komunikazzjoni li kien ikollha mal-uffiċjali tal-maniġment u wisq anqas tħalliet iżżomm ix-xogħol propju tagħha mal-Air Malta jew jekk dan ma kienx possibbli, tingħata xogħol alternattiv.

Bianchi ġiet ttrattata differenti mill-impjegati l-oħra u dan mhux aċċettabbli. Wara kien eżaminat u evalwata d-dikjarazzjoni tal-każ, testimonjanzi, dokumenti u sottomissjonijiet tal-partijiet u wara konsiderazzjoni ta’ dawn, it-Tribunal, wara li ħares lejn l-elementi tal-każ fit-totalità u l-komplessità tagħhom, iddeċiedieda li Antoinette Bianchi kienet terminata mix-xogħol inġustament u għalhekk mhux skont il-liġi.

Għalhekk is-Sa Antoinette Bianchi għandha tingħata l-impjieg lura mal=kumpanija Air Malta plc immedjatament u tingħata dak ix-xogħol li jirrispetta il-kompetenza, il-grad u d-dinjità tagħha.