L-Iżvizzera tinsab mal-aqwa 16 wara rebħa ta’ 3-2 kontra s-Serbja fil-logħba l-aktar importanti minn Grupp H. B’dan ir-riżultat, l-Iżvizzeri jilagħbu kontra l-Portugall għal post fil-kwarti tal-finali. Diżappunt għas-Serbja li kien mistenni aktar minnhom speċjalment wara li kellhom il-vantaġġ fl-ewwel taqsima.
L-Iżvizzera fetħet l-iskor wara 20 minuta. Kross mix-xellug ta’ Ricardo Rodriguez ġie mbiegħed parzjalment minn Strahinja Pavlovic, il-ballun spiċċa għand Djibril Sow li qassam fuq il-lemin tiegħu lejn XHERDAN SHAQIRI. Il-midfielder ixxuttja mill-ewwel, il-ballun ġie mxellef mill-istess Pavlovic u baqa’ dieħel wara Vanja Milinkovic-Savic.
Is-Serbja ġabet id-draw seba’ minuti wara bi kross preċiż ta’ Dusan Tadic sab lil ALEKSANDAR MITROVIC li b’daqqa ta’ ras sabiħa għar-rokna għeleb lil Gregor Kobel. Is-Serbi saħansitra marru minn fuq fil-35 minuta. Din id-darba kien DUSAN VLAHOVIC li ħa vantaġġ minn żball difensiv ta’ Remo Freuler u b’konklużjoni fil-baxx għar-rokna ħalla lil Kobel iħares.
Reazzjoni mill-Iżvizzera li ġabet il-gowl tad-draw fl-44 minuta. Silvan Widmer kien żmarkat fuq il-lemin, irċieva ballun u tefa’ għan-nofs fil-baxx lejn BREEL EMBOLO li minn qagħda ideali ma żbaljax.
Wara taqsima movimentata, l-Iżvizzera saħansitra reġgħet kisbet il-vantaġġ fit-48 minuta. Kross ta’ Shaqiri ġie mxellef minn Ruben Vargas lejn REMO FREULER li skorja b’xutt mill-ewwel.
Dan ir-riżultat wassal biex is-Serbi bdew iħaffu biex jirkupraw l-iżvantaġġ. Iżda minkejja dan, l-Iżvizzeri baqgħu xorta konċentrati u rażżnu l-pressjoni tal-avversarji sat-tisfira finali.
//= $special ?>