Internazzjonali

L-Ukrajna: Joe Biden lest li jiltaqa’ ma’ Putin bit-tama li jintemm il-konflitt

Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, qal li għandu jkun lest biex jiltaqa’ wiċċ-imb-wiċċ mal-President tar-Russja Vladimir Putin f’każ li tal-aħħar juri interess ġenwin li jfittex triq ‘il barra mill-gwerra li ilha għaddejja minn Frar fl-Ukrajna.

Biden qal dan wara laqgħa li kellu f’Washington mal-President ta’ Franza Emmanuel Macron u fl-istess ħin hu għamilha ċara li Putin, għalissa, ma wera l-ebda inklinazzjoni li jimpenja ruħu għall-paċi.

Intant, kemm Biden kif ukoll Macron insistew li se jkomplu jirreżistu ‘il-gwerra ta’ Putin’ bħala alleati. Dan waqt li l-President Macron saħaq li Franza, l-istess bħall-Istati Uniti, mhi se tisforza qatt lill-Ukrajna biex tidħol f’kompromess mar-Russja li jista’ ma jkunx aċċettabbli għall-poplu Ukren.

Fl-aħħar sigħat ukoll, Dmitry Peskov, il-kelliem għal Putin, qal li Moska ‘żgur li mhix se taċċetta l-kundizzjonijiet tal-Istati Uniti’ waqt li saħaq li l-kummenti ta’ Biden qed jikkumplikaw il-possibbiltà ta’ taħditiet bejn il-partijiet dwar il-konflitt tal-Ukrajna.

Dan meta Moska għadha urtata li l-Istati Uniti u l-Punent ma rikonoxxewx l-hekk-imsejħa ‘territorji ġodda tar-Russi fl-Ukrajna’ u li l-qawwiet tal-Kremlin iddikjaraw bħala ‘art uffiċjali tagħhom’ lejn l-aħħar ta’ Settembru..

Sadanittant, il-Ministru Taljan għall-Affarijiet Barranin, Antonio Tajani, qal li filwaqt li wasal iż-żmien għal aktar impenji lejn il-konferma ta’ paċi ġusta fl-Ukrajna, it-tragward irid jintlaħaq f’sitwazzjoni fejn dan il-pajjiż iżomm l-istatus ta’ Stat indipendenti. F’dan ix-xenarju ma teżistix il-possibbiltà ta’ ftehim mar-Russja li jirrikjedi biex l-Ukreni jċedu formalment f’din il-gwerra.

Tajani qal ukoll li l-Kremlin issa jeħtieġ jagħti sinjali konkreti li jrid triq ‘il barra mill-gwerra minflok jippersisti bil-bumbardamenti fuq il-poplu ċivili tal-ukrajna. Fl-istess ħin, kelliema għal diversi Gvernijiet tal-Punent kollha qablu li ma jista’ ikun hemm l-ebda paċi dment li r-Russja tibqa’ għaddejja bil-litanija tal-gideb dwar l-aġir tagħha fl-artijiet Ukreni.

It-truppi Russi huma akkużati dwar sensiela ta’ reati tal-gwerra li jinvolvu l-massakri ta’ mijiet ta’ ċivili mill-bidu tal-gwerra ‘il hawn. Madankollu, ir-Russi qed iħallsu prezz qares ħafna fuq il-kampijiet tal-battalja u meta l-Magna tal-Gwerra ta’ Putin ġarrbet disfatti kbar, fost it-telf sinifikanti tas-suldati.

Il-Ġeneral ewlieni tal-Armata Amerikana, Mark Milley, qal , ftit ilu, li mal-100,000 suldat Russu u mal-100,000 suldati Ukreni spiċċaw maqtula jew midruba mill-bidu tal-gwerra. Madankollu, Mykhailo Podolyak, konsulent għall-President Ukren Volodymyr Zelensky, qed jinsisti li talanqas 100,000 truppi tar-Russja mietu mill-jum tal-invażjoni ‘il hawn u li fl-aħħar jiem inqatlu wkoll numru sinifikanti ta’ ċivili Ukreni.

Pakketti ‘b’messaġġ’ makabru

Fi żvilupp ieħor, il-Gvern fi Kiev qal li numru ta’ pakketti li kien fihom l-għajnejn tal-annimali ntbagħtu lil sitt ambaxxati tal-Ukrajna fl-Ewropa.

Il-kelliema għall-Gvern Ukren qalu li l-pakketti ‘kollha dmija’ instabu fl-ambaxxati tal-Ungerija, l-Italja, l-Olanda, il-Polonja, il-Kroazja u l-Awstrija. Madankollu ma kienx magħruf min seta’ bagħat il-pakketti u meta bħalissa għaddejja inkjesta speċifika.

Proprju din il-ġimgħa, impjegat mal-Ambaxxata tal-Ukrajna fi Spanja weġġa wara li splodiet ittra-bomba viċin tiegħu u meta l-azzjoni kienet biss waħda minn allegata sensiela ta’ inċidenti ta’ dan it-tip.