Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

L-Urugwaj u l-Ghana eliminati minkejja r-rebħa ta’ ‘La Celeste’

(Ritratt: EPA)

Ghana 0-2 Urugwaj

Minkejja rebħa ta’ 2-0 fuq il-Ghana, bħal dawn tal-aħħar, l-Urugwaj sfaw eliminati mit-Tazza tad-Dinja bil-Korea t’Isfel ikollhom differenza ta’ gowls aħjar minnhom u għalhekk ikunu huma li flimkien mal-Portugall imorru mal-aħħar sittax.

Fis-17-il minuta, wara verifikazzjoni mill-VAR, il-Ghana ingħataw penalty wara li Rochet deher iwaqqa lil Kudus fil-kaxxa. Jinkariga minnu l-eks plejer ta’ West Ham Andre Ayew li ra x-xutt fjakk tiegħu ikun milqugħ mill-goalkeeper Urugwaj.

Fis-26 minuta, l-Urugwaj fetħu l-iskor meta l-ewwel Ati-Zigi laqa’ tajjeb fuq daqqa ta’ ras ta’ Luis Suarez, iżda sfortunatament għall-Ghana l-ballun waqa’ fuq ras Giorgian de Arrascaeta li mill-viċin ma’ żbaljax.

L-Urugwaj irduppjaw sitt minuti wara b’azzjoni mibdija minn Luis Suarez li għadda ballun fl-għoli lejn l-istess Giorgian de Arrascaeta li b’xutt mill-isbaħ għeleb lil Ati-Zigi. Tmiem l-ewwel taqsima 2-0 favur l-Urugwaj.

L-Urugwaj ħarġu jfittxu t-tielet gowl fit-tieni taqsima u fis-57 minuta pprotestaw għal penalty fuq Darwin Nunez, iżda wara verifika mill-VAR il-penalty ma ngħatax.

65 minuta logħob u jerġgħu jkunu l-Urugwaj perikolużi meta Facundo Pellistri daġal fil-kaxxa iżda l-konlużjoni tiegħu għaddiet barra.

L-Urugwaj provaw minn kollox biex jiskorjaw il-gowl li jpoġġihom mal-aħħar sittax iżda fl-aħjar ċans tajjeb li kellhom fil-95 minuta Ati-Zigi wettaq save mill-isbaħ fuq xutt minn barra ta’ Maxi Gomez bl-iskor jibqa’ 2-0 u l-Urugwaj jinqalgħu mit-Tazza tad-Dinja.