Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Rebħa biss tista tissodisfa lill-Kamerun kontra l-qawwa tal-Brażil

(Ritratt: EPA)

20:00 – Grupp G- Brażil v Kamerun

Fil-Lusail Iconic Stadium, il-Brażil jinsabu f’pożizzjoni ħafna iktar komda minn dik tal-avversarju tagħhom hekk kif huma wkoll jonqoshom biss punt sabiex itemmu l-fażi tal-gruppi fl-ewwel post. Il-Kamerun, imexxija minn Rigobert Song ġejjin minn waħda mill-iktar logħbiet interessanti s’issa wara li rnexxielhom jirkupraw żvantaġġ ta’ żewġ gowls kontra s-Serbja biex ħadu punt mill-konfront. 

Les Lions għandhom bżonn rebħa bilfors kontra l-Brażiljani, kif ukoll riżultat favorevoli mill-partita’ l-oħra bejn l-Isvizzera u s-Serbja biex jgħaddu għall-fażi li jmiss.

20:00 – Grupp G- Serbja v Żvizzera

L-Iżvizzeri ħarġu b’rashom mogħlija kontra l-Brażil minkejja li sofrew telfa b’gowl ta’ Casemiro fl-aħħar minuti tal-partita. Huma jridu rebħa minn dan il-konfront biex ikunu ċerti mill-kwalifikazzjoni u ma jkunux qed jiddependu mir-riżultat l-ieħor. Mill-banda l-oħra jekk il-Kamerun ma’ jirbħux kontra l-Brażil, punt ikun biżejjed għall-Iżvizzeri.

Fuq in-naħa l-oħra s-Serbja għandhom bżonn tlett punti bilfors kif ukoll riżultat favurihom fil-partita l-oħra. Is-Serbi, li kienu meqjusa bħala skwadra li tista tagħti sorpriza f’din il-kompetizzjoni, għadhom ma laħqux il-potenzjali tagħhom u jittamaw li jistgħu isalvaw kollox fl-aħħar partita. Waħda mir-raġunijiet ta’ dan il-bidu diżappuntanti huwa n-nuqqas tal-attakkant prolifiku Dusan Vlahovic li weġġa l-groin fl-ewwel logħba kontra l-Brażil.