Lokali Qorti

Sentejn ħabs wara li ssekwestra lil ommu talli ta’ tatux flus għad-droga

Raġel ta’ 40 sena residenti il-Ħamrun ġie kundannat sentejn ħabs mill-Maġistrat Rachel Montebello wara sabitu ħati li fis-sajt tas-sena l-oħra ssekwestra u żamm lil ommu ta’ 70 sena, kontra r-rieda tagħha f’darha stess talli li ma tatux flus għad-droga. Iriżulta li Christopher Zammit kien jitlob lil ommu madwar €40 kuljum u xi mdaqqiet ġurnata iva u ġurnata le, tant li ommu spiċċat bla flus u ma kellhiex biżżejjed biex tixtri l-ikel għaliha stess.

Huwa nstab ħati wkoll li dejjaq lil ommu, li kiser ordni ta’ protezzjoni u l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. Zammit iżda ma nstabx ħati li pprova jweġġa’ lil ommu b’mus, meta hija xehdet li mar għaliha b’din l-arma f’idejh ifferoċjat, ippuntaha għal fuqha u qalilha “għax b’dan inċarrtek jekk mhux se ġġibli.” Zammit lanqas ma nstab ħati li nsulenta lil ommu, li heddidha u li nġurjaha.

L-omm kienet xehdet illi fid-19 ta’ Lulju 2021 filgħaxija hija tat xi flus lil binha, l-imputat, biex bihom jixtri droga u qaltlu biex jieħu ħsiebhom għaliex ma kellhiex iktar flus, fejn hu assiguraha li l-flus kellhom iservuh żgur. Madankollu, l-għada fil-għodu qalilha li huwa kien nefaq il-flus kollu li kienet tatu għaliex ma kienx irnexxielu jorqod, fejn weġbitu li ma kellhiex minn fejn iġġib iktar flus.

Hu beda jgħidilha li mingħajr droga kien ser jiġi “sick” iżda hi qatlu biex iċempel lil xi ħadd forsi jtuh id-droga. Hi fehmet li xi ħadd qallu li seta’ jġiblu d-droga wara s-7.00 p.m. u l-imputat qalilha li ser jibqa’ fir-residenza tagħha jistenna sakemm isir il-ħin biex iġibulu d-droga.

Xehdet illi meta sar il-ħin u ma ġie ħadd, binha beda jippanikja iżda hi qaltlu li dik biċċa tiegħu u jrid jara x’ser jagħmel ġaladarba ma jridx imur id-Detox biex jieħu l-mistura minn hemmhekk. L-Ispettur Audrey Micallef qalet fil-Qorti li dan kollu seħħ bejn l-20 u l-21 ta’ Ġunju tas-sena l-oħra fil-Ħamrun, fid-dar t’ommu. 

L-omm xehdet ukoll li binha sar aggressiv u sar aggressiv xħin qaltlu li ma kellhiex aktar flus x’tagħtih. Qalet ukoll li binha ħadilha l-mobile u t-telephone “biex ma tkunx tista’ ċċempel għall-għajjut,” u ordnalha biex tidħol f’kamartha u biex ma toħroġx minn hemm u li dak inhar kienet u spiċċat bil-ħwejjeġ ta’ taħt.

Apparti l-piena ta’ ħabs, il-Maġistrat ordnat il-konfiska favur il-Gvern ta’€4,000, irrevokat il-ħelsien mill-arrest tal-akkużat, u poġġietu taħt ordni ta’ trattament għal tliet snin u ordni ta’ trażżin għal sentejn.