Lokali

Bżonn li jingħata widen lis-settur tad-diżabbiltà – PN

Madwar id-dinja, fit-3 ta’ Diċembru jitfakkar il-Jum Internazzjonali għall-Persuni b’Diżabbiltà. It-tema magħżula għal din is-sena hi: “Soluzzjonijiet trasformattivi għall-iżvilupp inklussiv: ir-rwol tal-innovazzjoni fit-trawwim ta’ dinja aċċessibbli u ġusta”.

Id-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea saħqet li l-Partit Nazzjonalista jemmen li hu d-dover tas-soċjetà li tgħin biex ħadd ma jaqa’ jew jibqa’ lura. Hu importanti li jkomplu jittieħdu l-akbar ammont ta’ miżuri possibbli biex il-persuni li għandhom xi diżabbiltà jkunu mgħejjunin. U filwaqt li niftakru fit-titjib li sar f’dan il-qasam, għandna nassiguraw li nżidu u ntejbu l-għajnuna f’pajjiżna.

Is-servizzi għandhom ikunu kkordinati minn Ministeru wieħed biex ikun evitat ġiri bla bżonn, biex min hu intitolat jingħata l-għajnuna u jitħaffef il-proċess. L-innovazzjoni li seħħet f’oqsma oħra tal-ħajja għandha tkun użata biex il-qasam tad-diżabbiltà jitjieb.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar u japprezza wkoll lil dawk kollha li jiddedikaw ħajjithom u jaħdmu f’dan is-settur. Mingħajr il-ħidma ta’ diversi, inkluż familjari u għaqdiet volontarji, l-iżvilupp u l-avvanz tal-persuni b’diżabbiltà ma jkunx possibbli.

Hu importanti li nkomplu nagħtu sehemna, filwaqt li nassiguraw li dak kollu li hu meħtieġ, fosthom servizzi u finanzjamenti, ikunu pprovduti.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen f’soċjetà fejn ħadd ma jibqa’ lura. Biex dan ikun possibbli, irridu nkomplu nagħtu sehemna u nassiguraw li jiżdiedu l-għajnuna u s-servizzi lil min għandu bżonnhom. Għal dan il-għan, se tkun qed tittella’ laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-għaqdiet volontarji kkonċernati, is-Sibt li ġej, 10 ta’ Diċembru, fid-9.30am fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, bit-tema: “Bl-abbiltà tagħna lkoll, nagħtu widen lis-settur.