Lokali

“Għinuna ngħinu lil Andrea” – Jiġbru l-flus biex jingħata kura barra minn xtutna ż-żagħżugħ li ndarab serjament waqt The Grid

“Nitolbukom tgħinuna – sabiex Andrea jingħata s-sostenn kollu meħtieġ hekk kif qed jafronta sfida li ġiet fuqu u fuq qrabatu bħal sajjetta fil-bnazzi”.

Hekk sostnew il-qraba ta’ Andrea Calleja, iż-żagħżugħ ta’ 31 sena li lura fid-9 ta’ Ottubru li għadda ndarab serjament waqt l-attività The Grid, attività sportiva li kienet qed issir fiż-żona ta’ Għajn Tuffieħa.

Matul din il-ġimgħa, Andrea, magħruf ma’ min jafu mill-qrib bħala Batman, irnexxielu jieħu l-ewwel nifsijiet waħdu …madanakollu t-triq hija waħda twila u mimlija sfidi.

Andrea darab serjament is-sinsla ta’ dahru waqt l-attività…inċident li wassal sabiex iż-żagħżugħ spiċċa parzjalment ipparalizzat iżda jinsab determinat li jerġa’ jikseb l-indipendenza.

Il-qraba u l-ħbieb ta’ Andrea ħolqu paġna fuq il-media soċjali bl-isem  ta’ Andrea Calleja Fundraising fejn qed jinġabru l-flus, il-ftit mingħand il-ħafna, sabiex jinġabru l-eluf ta’ ewro meħtieġa bil-għan li jkun jista’ jieħu t-trattament li għandu bżonn barra minn xtutna.

Net News tkellem ma’ dawk qrib ta’ Andrea fejn spjegaw li huwa weġġa’ serjament l-ispina ta’ daru iżda minkejja li dan jaf iwassal għal paraliżi kompleta, Andrea qed jirnexxielu jieħu n-nifs waħdu mingħajr ventilatur u jċaqlaq kemm kemm idejh il-leminija.

Diversi ħbieb u dawk qrib tiegħu ddeskrivewh bħala bniedem li ma jaqta’ qalbu minn xejn u li dejjem lest sabiex jgħin lil ħaddieħor.

Għaldaqstant issa jmiss lil ħaddieħor sabiex jgħin lil dan iż-żagħżugħ, vittma ta’ inċident sfortunat li lest jegħleb grazzi għas-sostenn ta kull wieħed u waħda minnha.