Futbol Sport

Gowl mill-isbaħ ta’ Diakite jpoġġi lil Hibernians fit-tieni post

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Rowen Camilleri

SIRENS……………….0

HIBERNIANS……..1

Sirens: M. Grech, G. Camilleri, W. Da Silva, M. Pereira, R. Tachikawa (S. Arab 81’), A. Vaikainah, A. Cini, V.P.Bento De Vale, I. Kolev, D. Jackson (S. Sessegnon 65’)

Hibernians: I. Kone, F. Apap, K. Shaw, G. Llerena, J. Grech, J. Degabriele, B. Kristensen (D. Vella 89’), Z. Grech (T. Aldama 73’), G. Artiles, O. Muritala (J. Morillas 89’), A. Diakite (R. Soares 90’)

Skorja: Ali Diakite 45’ (H)

Referee: A. Johnson

Assistenti Referees: Duncan Sultana u James Muscat

BOV Plejer tal-logħba: Ali Diakite (Hibernians)

Il-Mument Plejer tal-logħba: Ali Diakite (Hibernians)

F’partita li ftit offriet spettaklu, speċjalment fit-tieni taqsima, Hibernians għelbu lil Sirens 1-0 b’gowl klassiku ftit qabel il-mistrieħ minn Ali Diakite. B’din ir-rebħa Hibernians telgħu fit-tieni post wara li Gira sfaw megħlub minn Balzan fil-logħba l-oħra.

Żewġ minuti logħob u Sirens bl-ewwel konklużjoni lejn il-lasti fejn kien Bento li minn kross ta’ Alex Cini b’daqqa ta’ ras impenja lil Kone li iżda ma’ sab l-ebda diffikultà biex isalva. Fit-tmien minuta korner ta’ Kristensen fid-direzzjoni ta’ Degabriele li minn taħt il-lasta żbalja l-mira u tefa’ barra.

Fid-19-il minuta Jake Grech ittanta xortih minn barra l-kaxxa u b’xutt sabiħ impenja għall-ewwel darba fil-partita lill-goalkeeper ta’ Sirens Matthew Grech li kellu jtajjar b’diffikultà qabel mad-difiża tajret kull periklu.

Fis-27 minuta minn free kick kien Ferdinando Apap li spara xutt lejn ir-rokna tax-xibka b’Matthew Grech iwettaq save mill-isbaħ u jdawwar f’korner.

Hibernians marru viċin fl-44 minuta permezz ta’ daqqa ta’ ras ta’ Kurt Shaw li marret barra. Minuta wara l-Pawlisti jmorru minn fuq meta kien Ali Diakite li minn tliet kwarti tal-grawnd spara xutt mill-isbaħ li spiċċa fir-rokna tax-xibka b’Matthew Grech megħlub għal kollox u bl-ewwel taqsima tispiċċa 1-0 favur it-tim minn Raħal Ġdid.

Fl-ewwel azzjoni denja ta’ nota tat-tieni taqsima wara biss żewġ minuti, Jake Grech għadda ballun lejn Jurgen Degabriele li prova xutt minn tarf il-kaxxa li Matthew Grech laqa’ tajjeb.  Għaxar minuti wara daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Muritala għal Hibernians tkun imdawra f’korner minn Grech. Il-partita kienet għal ħin twil nieqsa minn azzjonijiet perikolużi u Hibernians irnexxielhm iżommu l-vantaġġ minimu sat-tmiem biex issa telgħu fit-tieni post tal-klassifika taħt il-leaders Ħamrun.