Lokali

“Is-sewwieq jeħtieġ jitkellem” – Aldo Lombardi

Aldo Lombardi jgħaddi messaġġ lill-pubbliku biex kull min ra jew jaf xi ħaġa jitkellem.

“Għandna tkissir fil-familja – ommha u missierha għadhom ma jistawx jorqdu sa issa. Min waqalu l-kanestru irid jitkellem – il-familja għandha bżonn il-mistrieħ.”

Dan huwa Aldo Lombardi, ir-raġel li tilef lill-mara tiegħu f’inċident tat-traffiku biswit ir-roundabout ta’ taħt is-Saqqajja.

Il-każ seħħ is-Sibt 23 ta’ Ottubru għall-ħabta tal-5:30pm meta Marie Claire Lombardi tilfet il-kontroll tal-mutur li kienet qed issuq bil-konsegwenza li spiċċat waqgħet u tkaxkret għal diversi metri.

Aldo Lombardi spjegalna li r-relazzjoni tiegħu ma’ martu kienet unika, u bħala kopja ftit li xejn kienu jitlewmu għalkemm kienu ilhom 23 sena flimkien u 15  minnhom miżżewġin.

Marie Claire kienet taħdem bħala hairdresser .. u l-professjoni li kellha tatha l-opportunita li matul ħajjitha tiltaqa’ ma’ bosta persuni. Filfatt hu deskriviha bħala mara umli b’qalb tad-deheb … maħbuba minn kulħadd u kienet tnissel it-tbissima ma’ kull min tintaqà.

Aldo Lombardi stqarr li hu u l-mara tiegħu kienu ilhom snin twal isiefru bil-muturi, u fis-sewqan kienet matura ħafna u rasha fuq għonqa. Filfatt qatt ma basar li Marie-Claire kellha titlef ħajjitha propju f’inċident tat-traffiku bil-mutur tagħha stess.

Marie Claire kienet l-20 persuna li mietet kawża ta’ inċident sfortunat. Filfatt, meta tkellem magħna Aldo Lombardi appella lill-pubbliku għall-attenzjoni fis-sewqan.

Aldo Lombardi għadda messaġġ lill-pubbliku biex kull min ra jew jaf xi ħaġa jitkellem, sabiex il-familja ta’ Marie Claire Lombardi tkun tistà ssib serħan.