Round tal-aħħar 16
16:00 – OLANDA V STATI UNITI
Il-fażi tal-aħħar 16 tibda bi dwell bejn dawn iż-żewġ nazzjonijiet. L-Olanda spiċċat kif mistenni fil-quċċata ta’ Grupp A iżda l-Oranje kienu kkritikati minn sezzjoni tal-media minħabba li l-istil ta’ logħob mhux attraenti, bil-kowċ nazzjonali Louis van Gaal kien kosrett jindirizza din il-kritika.
Għalkemm b’dan l-istil ta’ logħob kellhom biss tmien xuttijiet fil-lasta, Cody Gakpo hu sa issa l-istilla tat-tim hekk kif sar biss ir-raba’ plejer fl-istorja tal-Olanda li skorja fi tliet logħbiet konsekuttivi waqt it-Tazza tad-Dinja.
Minn meta sfaw eliminati waqt l-aħħar Kampjonat Ewropew, l-Olanda ilha 18-il logħba mingħajr telfa, mira li żgur tinsab fl-imħuħ tal-Amerikani li jtemmu din is-serje. It-tim ta’ Gregg Berhalter impressjona bil-wirjiet iżda wkoll bit-talent li jeżisti f’tim żagħżugħ iżda determinat li jħalli l-marka tiegħu f’din l-edizzjoni.
20:00 – ARĠENTINA V AWSTRALJA
Ir-rebħa u l-prestazzjoni tajba kontra l-Polonja, tista’ tagħti nifs ġdid lit-tim nazzjonali Arġentin hekk kif mil-lum it-Tazza tad-Dinja tidħol fil-fażi li jmiss ta’ eliminazzjoni diretta.
L-Arġentini, meqjusa minn ħafna bħala l-favoriti, bdew din l-edizzjoni b’telfa mhux mistennija kontra l-Arabja Sawdija. Minkejja l-pressjoni li kellhom fuqhom, huma rnexxielhom jirbħu kontra l-Messiku u l-Polonja b’żewġ gowls fit-tieni taqsima fiż-żewġ logħbiet. B’hekk huma spiċċaw fil-quċċata ta’ Grupp Ċ.
Din se tkun il-11-il darba mill-aħħar 12-il edizzjoni li l-Arġentina tinsab f’din il-fażi. Lionel Messi se jerġa’ jkun integrali għat-tim Arġentin, anki jekk falla penalty fl-aħħar logħba. Madankollu hu jibqa’ l-punt ta’ riferiment u l-prestazzjoni tat-tim tiddependi ħafna mil-logħob tiegħu.
Jekk wieħed iqis l-istatura taż-żewġ timijiet, l-Awstralja għandha telgħa quddiemha f’dan il-konfront. Iżda t-tim immexxi minn Graham Arnold ħasad lill-avversarji fi Grupp D u fl-aħħar logħba spiċċa biex elimina lid-Danimarka. Huma spiċċaw il-grupp fit-tieni post b’żewġ rebħiet li waslu mingħajr ma sofrew gowl.
//= $special ?>