Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

L-Olanda l-ewwel tim mal-aħħar tmienja b’rebħa fuq l-Istati Uniti

(Ritratt: EPA)

Olanda v Stati Uniti 3-1

L-Olanda saru l-ewwel tim li għamluha mal-aħħar tmienja tat-Tazza tad-Dinja tal-Qatar meta fil-Khalifa International Stadium huma għelbu lill-Istati Uniti bl-iskor ta’ 3-1. Minkejja li fit-tieni taqsima l-Istati Uniti kienu fuq l-offensiva, it-tim immexxi minn Louis Van Gaal rnexxielu jrażżan liż-żgħażagħ Amerikani u jżomm l-iskor intatt.

Il-finalisti tat-Tazza tad-Dinja tal-2010 marru fil-vantaġġ fl-10 minuta meta wara azzjoni maħduma tajjeb id-difensur laterali Denzel Dumphries sab lil Memphis Depay fil-kaxxa li b’xutt fil-baxx għeleb lil goalkeeper Matt Turner għal 1-0.

L-Olanda rduppjaw fil-ħin mogħti żejjed tal-ewwel taqsima meta għal darb’oħra reġa’ kien Dumphries li din id-darba sab lil Daley Blind fil-kaxxa li b’konklużjoni preċiża xeħet fix-xibka għal 2-0.

Fi-tieni taqsima l-Ameirkani daħlu xi ftit aktar fil-partita u proprju fis-76 minuta daħlu fil-partita b’gowl ta’ Hagi Wright, li improvizza wara pass ta’ Christian Pulisic.

Iżda l-Olanda għalqu l-partita bit-tielet gowl fil-81 minuta meta Blind irritorna il-favur bi cross lejn Dumphries, b’dan tal-aħħar jikkonkludi b’volley fl-anglu tax-xibka.