Lokali

“Li hemm miktub se jħoll u jorbot”

“Nixtiequ nuru l-preokkupazzjoni kbira tagħna, flimkien ma’ tant nies oħra, dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali, u li jekk approvat kif inhu mill-Parlament, iddaħħal l-abort f’Malta.”

Kien b’dan il-kliem illi bdiet l-ittra miftuħa indirizzata lill-Membri Parlamentari miktuba mill-Isqfijiet Charles Scicluna,  Anton Teuma u  Joseph Galea-Curmi fejn saħqu li dejjem sar kull sforz sabiex jiġu salvati kemm il-ħajja tal-omm kif ukoll tat-tarbija, u fejn dan ma jkunx possibli li jkunu salvati t-tnejn…tiġi salvata l-omm. L-isqfijiet qablu li l-affarijiet għandhom ikunu ċari legalment.

Iżda insistew li l-emenda mressqa mill-Prim Ministru Robert Abela….ma tagħmilx dan. Anzi, tintroduċi xi ħaġa differenti totalment hekk kif saħqu li ma titkellimx biss fuq li ssalva l‑ħajja tal‑omm li tkun f’periklu li tmut, imma titkellem ukoll fuq li telimina ħajja ġdida biex tħares is‑saħħa.

L-isqfijiet insistew li din l‑emenda ddaħħal l‑abort, bħalma turina b’mod tant ċar l‑istorja ta’ diversi pajjiżi li daħħlu l‑abort bl‑użu tal‑kelma “saħħa”, b’riżultati koroh immens ta’ qerda ta’ ħajja umana.

Huma spjegaw li l‑emenda qed tgħid li biex tħares is‑saħħa ta’ xi ħadd, li mhux fil‑periklu tal‑mewt, tista’ toqtol il‑ħajja ta’ ħaddieħor.

“Din hija gravi ħafna”, komplew il-Mexxejja tal-Knisja Kattolika f’Malta filwaqt li sostnew li fejn is-saħħa teħtieġ il-kura għandha tingħata bi sħiħ b’appoġġ u sostenn kontinwu, iżda qatt ma għandha tħares li toqtol lil ħaddieħor.

Finalment huma saħqu illi li jħoll u jorbot m’huwiex dak li jingħad bil‑kliem imma dak li hemm miktub fl‑Abbozz ta’ liġi, kif ifissru tajjeb l‑esperti legali – kliem illi juri li l‑emenda, kif inhi, iddaħħal l‑abort u tagħti lok li dan isir sat‑twelid.