Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Lionel Messi protagonist fil-kwalifikazzjoni tal-Arġentina

(Ritratt: EPA)

Arġentina v Awstralja 2-1

Fl-Ahmed bin Ali Stadium l-Arġentina kisbu kwalifikazzjoni għal fażi tal-aħħar sittax b’rebħa dominanti fuq l-Awstralja. Protagonist għall-Arġentina l-istilla Lionel Messi li fl-elf partita professjonali tiegħu skorja l-94 gowl tal-karriera internazzjonali.

L-Arġentina marru fil-vantaġġ fil-35 minuta meta wara azzjoni maħduma tajjeb Nicolas Otamendi għadda lejn Lionel Messi li bi preċiżjoni xeħet il-ballun fix-xibka wara Matt Ryan għal 1-0. Bl-Arġentina jiddominaw matul il-partita kollha, huma rdoppjaw fis-57 minuta, meta din id-darba kien Julian Alvarez li approfitta minn indeċiżjoni tal-goalkeeper Awstraljan, biex f’lasta vojta xeħet fix-xibka għal 2-0.

L-ewwel azzjoni perikoluża ghall-Awstralja waslet fis-76 minuta fejn minnha wasal il-gowl tagħhom, meta x-xutt ta’ Craig Goodwin kien devjat għal ġewwa, b’devjazzjoni mal-midfielder Enzo Fernandez, għal skor finali ta’ 2-1.

B’din ir-rebħa l-Arġentina issa se jkunu qed jaffrontaw lill-Olanda fil-kwarti finali.