Aħbar ħażina għat-tim nazzjonali Portugiż hekk kif Nuno Mendes mistenni jitlef il-kumplament tal-kompetizzjoni. Mendes għamel isem għalih innifsu u hu kkunsidrat wieħed mill-aqwa difensuri xellugin laterali fl-Ewropa.
Mendes li għandu 20 sena, ma kienx utilizzat mill-kowċ Fernando Santos fl-ewwel logħba tal-Portugall kontra l-Ghana iżda beda mill-bidu kontra l-Urugwaj. Iżda l-logħba tiegħu damet biss 42 minuta qabel weġġa’ kuxxtejh u spiċċa biex ġie mibdul.
Għalkemm il-gravità tal-uġigħ għadu jrid jiġi konkluż, rapporti qed jgħidu li Mendes mhux mistenni li jirritorna f’din l-edizzjoni. Saħansitra qed jingħad li Mendes mhux se jirkupra qabel l-ewwel ġimgħat tal-2023.
Fernando Santos għandu diversi alternattivi għal fuq in-naħa xellugija tad-difiża. Raphael Guerreiro hu l-aktar għażla ċara anki għaliex id-difensur beda fl-ewwel logħba kontra l-Ghana.
Iżda lbieraħ, Santos utilizza lil Joao Cancelo fuq ix-xellug tad-difiża, b’Diogo Dalot beda fuq in-naħa l-oħra. L-istess Dalot kapaċi jilgħab fuq in-naħa xellugija.
//= $special ?>