Lokali

“Robert Abela dawwar lil kulħadd kontrih”

Hija qasma fil-Grupp Parlamentari Laburista li ilha ma tinħass sa minn żmien Joseph Muscat.

U ħafna Laburisti ġenwini huma urtati għall-mod li mexa bih Robert Abela, li qabad u mbotta din il-liġi tal-abort mingħajr mandat elettorali. Tant li, fi kliem is-sorsi li kellmuna mic-Centru Nazzjonali Laburista, Abela rnexxielu jdawwar lil kulħadd kontrih; litteralment għaqqad pajjiż sħiħ kontrih. Bir-riżultat li possibbilment se jispiċċa jkollu xorta jemenda din il-liġi li tant ftaħar biha, għaliex skont hu hija l-aqwa ‘draft’.

Il-pressjoni fuq Robert Abela minħabba l-liġi tal-abort ġejja minn kullimkien; mhux biss tobba u esperti. Iżda anke minn nies li jissimpatizzaw ma’ kampijiet politici varji…u saħansitra persuni li m’għandhomx affiljazzjonijiet politiċi.

B’ħafna fuq il-media soċjali jinsistu li l-Gvern m’ghandux idahhal l-abort, li l-isbaħ riġal huwa l-ħajja, u li mara tqila għandha tingħata l-għajnuna.

Ipokreżija. Toqtlux it-trabi. No to abortion. U baraxx ta’ kummenti li ċanfru bl-aħrax l-attitudni tal-Prim Ministru.

Oħrajn qalu li issa li ġej il-Milied, irridu nħallu t-tarbija titwieled biex tgawdi l-ħajja…b’kummenti oħra jindikaw li l-Gvern ried biss idaħħal l-abort inkiss inkiss, u li Robert Abela juża t-tattika tal-bżar fl-għajnejn.

Il-Partit Nazzjonalista ilu mill-bidu nett jaghmel pressjoni fuq il-Gvern biex ibiddel il-liġi tal-abort. Dan filwaqt li 80 espert ressqu emenda importanti li tneħħi kull diġitura vaga li fiha din il-liġi.

Intant, kollox jinsab lest għall-protesta nazzjonali li se ssir nhar il-Ħadd li ġej fil-Belt Valletta. Din id-dimostrazzjoni se tibda fit-3pm minn quddiem Kastilja, bil-marċ ta’ protesta jibqa’ sejjer sa Triq ir-Repubblika.