Lokali

Robert Abela m’għandux mandat tal-poplu biex jintroduċi l-abort u għalhekk għandu jirtira l-Abbozz ta’ Liġi – PN

Il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi jsemma’ leħnu kontra l-abort u favur il-ħajja

Il-Partit Nazzjonalista jistenna li Robert Abela jirtira l-Abbozz ta’ Liġi li bih jintroduċi l-abort f’pajjiżna ladarba m’għandux mandat tal-poplu biex jagħmel dan. Robert Abela għandu jieqaf jipprova jimponi Liġi li ddaħħal l-abort f’pajjiżna meta jaf li l-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi hi kontra d-dħul tal-abort f’pajjiżna.

L-imġieba ta’ Robert Abela hi irresponsabbli, antidemokratika u theddida serja għan-nisa tqal, it-trabi fil-ġuf u l-professjonisti fil-qasam tas-saħħa.

Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-organi tal-Partit Laburista jagħrfu r-responsabbiltà li għandhom f’dan il-mument kruċjali u jaġixxu biex iwaqqfu lil Robert Abela milli jdaħħal l-abort f’pajjiżna.

Il-Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista huma magħqudin f’messaġġ wieħed u b’saħħtu kontra d-dħul tal-abort f’pajjiżna u qed jipparteċipaw b’mod attiv u konsistenti fid-diskussjoni fil-Parlament. L-istess qed jagħmlu għadd kbir ta’ akkademiċi, tobba, esperti, personalitajiet magħrufa, eks politiċi, persuni ta’ fehmiet politiċi differenti, għaqdiet mhux governattivi u l-Knisja f’Malta, li f’moviment nazzjonali qed jitkellmu u jaġixxu favur il-ħajja u kontra l-abort.
B’kuntrast, f’aktar minn seba’ sigħat ta’ diskussjoni fil-Parlament dwar id-dħul tal-abort f’pajjiżna, il-Membri Parlamentari eletti f’isem il-Partit Laburista qed jevitaw li jitkellmu dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jdaħħal l-abort f’pajjiżna u minflok, qed jinfexxu f’attakki kontra kull min jitkellem favur il-ħajja.

Il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi jsemma’ leħnu kontra d-dħul tal-abort f’pajjiżna u biex jinsisti li r-rappreżentanti tiegħu fil-Parlament ma jdaħħlux liġijiet li l-poplu ma ta l-ebda mandat dwarhom fl-aħħar elezzjoni ġenerali u li jmorru kontra l-valur tal-ħajja.