Lokali

Tingħata l-aħħar tislima lil Carmen Tanti

Bosta qraba u ħbieb, nies mix-xena mużikali u oħrajn  is-Sibt filgħodu ingabru fil-Knisja Parrokjali ta’ Santa Venera fejn inghatat l-aħħar tislima lil Carmen Tanti .. il-kantanta popolari tal-grupp ‘The Greenfields’ – duo folkloristiku li tul is-snin kiseb popolarita kbira b’diversi kanzunetti Maltin.

Carmen Tanti mietet l-Erbgha filghodu fl-età ta’ 75 sena.

Waqt il-funeral, Carmen Tanti ġiet deskritta bħala omm li ħalliet dinja aħjar bl-eżempju li kienet timxi bih waqt ħajjitha. Filwaqt li l-impatt ta’ ħajjitha ħalla togħma tajba u sabiħa għal dawk kollha li kienu jafuha.

Fr Maurice Abela saħaq li bit-tbissima tagħha Carmen kienet tilqa’ lil kulħadd, anke minn meta kienet għaddejja minn mumenti difficli. Hi kienet deskritta bħala mara kuraġġuza u saħansittra kienet tipprova toħroġ it-tajjeb minn kull sitwazzjoni.

Bil-vuci sabiħa u unika tagħha Carmen Tanti, flimkien mal-grupp Greenfields, għalmet lill-poplu Malti il-gmiel ta art twelidna, u t-tradizzjonijet sbieħ tal-Maltin.

Fl-aħħar tal-quddiesa bintha Myra Kantat innu akkumpanjat minn missierha Joe Tanti fuq il-kitarra.

Bosta kienu dawk li taw l-aħħar tislima lil Carmen Tanti fejn ġiet deskritta minn diversi bħala mara b’qalb tad-deheb, dejjem bi tbissima fuq fommha u li l-familja għaliha kienet tiġi l-ewwel u qabel kollox.

Iżda ċertament li l-imħabba tagħha lejn il-mużika kienet waħda li żgur kienet tispikka fiha, grazzi għall-kanzunetti li kienet twassal lill-udjenzi li tant kienet tferraħ.

Matul is-snin, il-Grupp ‘Greenfields’ saħħru l-udjenza fuq ix-Xandir Nazzjonali b’kanzunetti varji …fosthom il-Karozzin, Il-Vapur tal-Art, L-Għajn, Iż-Żmien Għaddej, il-Banda ta’ Indri u Milied Flimkien.