Lokali Qorti

30 xahar ħabs għal tnejn mill-Bangladesh wara li ferew gravi ko-nazzjonali b’żewġt imrietel

Żewġt irġiel mill-Bangladesh ġew ikkundannati 30 xahar ħabs kull wieħed wara li nstabu ħatja li fis-6 ta’ Ġunju tal-2019 f’Santa Venera kkaġunaw feriti gravi fuq raġel ieħor ukoll mill-Bangladesh meta ferewh b’mod gravi wara li tawh xeba’ b’żewġt imrietel. L-inċident kien seħħ għall-ħabta tat-8:30pm. fil-lokalità ta’ Santa Venera.

Il-Qorti semgħet kif dan l-attakk ferm aggressiv sar fl-apert fil-pubbliku mingħajr ebda kuxxjenza ta’ xejn fuq il-vittma. Mir-rapporti mediċi l-vittma sofra ġriehi gravi b’konsegwenzi serji. Il-vittma tilef sitt sinniet, sofra ksur kif ukoll farretti f’wiċċu, f’saqajh u f’idejh li kienu faċilment vizibbli anke lill-Qorti li setgħet tarhom waqt ix-xhieda tal-vittma.

Il-vittma sofra wkoll minn nuqqas ta viżjoni, liema vizjoni se tibqa b’mod permanenti għaliex kif spjegaw it-tobba ma teżistix kura. Dan l-attakk, anke mid-dinamika ta’ l-istills tas-CCTV jidher li kellu element ta’ premeditazzjoni. Il-Qorti qalet li ma tistax ma tirrimarkax fuq l-aggressività ta’ l-attakk li huwa ferm deplorabbli fis-socjeta tal-llum, jekk mhux addiritura diżgustanti u bl-ebda mod ma jista jiġi skużat li nies iġibu ruħhom hekk kontra persuna fil-pubbliku.

Il-vittma qal li l-akkużati ħebbew għalih “minħabba skambju ta’ kummenti fuq Facebook.” Qal, li Mirzi, li kien ħadem miegħu fil-kostruzzjoni, kien imqabbad miegħu. Abdul Momin Mirzi ta’ 33 sena u Salim Ullah ta’ 26 sena instabu ħatja mill-Maġistrat Nadine Lia li sawwtu lill-vittma Miah Farukb’mod vjolenti. Fil-Qorti kienu esebiti ritratti, li fihom deher ċar li l-vittma spiċċa b’feriti fuq wiċċu u partijiet oħra ta’ ġismu. Il-feriti dehru friski, viċibbli bi dmija u tbenġil fuqu kif ukoll ghajn minfuħa. Nurun Nabi Manic ta’ 41 sena, wkoll mill-Bangladesh, li kien mixli wkoll bl-aggressjoni ma nstabx ħati.

Mill-provi li ħarġu fil-Qorti ħareġ li l-pulizija ġew infurmati li kien hemm ġlieda fil-pubbliku f’Santa Venera fejn irriżulta li ċertu Miah Faruk kien ġie aggredit serjament b’tali mod li spiċċa b’ġriehi gravi bejn bdew issawtuh f’wiċċu u ġismu b’martell.

Is-Surġent Luke Spiteri, stazzjonat fl-Għassa tal-Ħamrun spjega li s-Supretendent Robert Vella kien bagħtu fi Triq il-
Fawwara, Santa Venera, sabiex jara jekk hemmx xi cameras CCTV. Fil-fatt, irriżulta li kien hemm cameras u minn naħa tiegħu, ix-xhud indikahom lis-Surġent Antoine Fenech mit-Taqsima tal-Forensika.

Huwa għamel l-aġġornamenti relattivi fir-rapport tal-Pulizija relattiv. Sussegwentement ġew esebiti sensiela ta’ 18 ir-ritratt mis-Supretendent Robert Vella kif ukoll sensiela tar-ritratti oħra meħuda ġewwa l-isptar Mater Dei tal-vittma. Minn l-ewwel sensiela ta’ ritratti irriżulta li dan il-footage ġie irrekordjat nhar is-6 ta’ Gunju 2019 għall-ħabta ta’
ftit minuti wara t-8.20pm.

Mir-ritratti rriżulta dehriet ta’ persuna waħidha miexja fuq naħa ta’ triq u żewġ persuni oħra mexjin fuq naħa l-oħra ta’
triq. Ftit minuti wara iż-żewġ persuni jidhru li qed jgħaġġlu u jiġru kif ukoll il-persuna li kien miexi wahdu jibda jiġri biż-żewġ persuni l-oħra jiġru warajh.

Finalment Robert Vella kien ippreżenta wkoll żewġ ritratti oħra li fihom jidhru l-imputati li ġew identifikati. Xehed it-Tabib Mario Scerri, espert medikolegali maħtur mill-Qorti, u ppreżenta r-relazzjon tiegħu dwar il-ġrieħi li sofra Miah Faruk. Scerri kkonkluda li l-ġriehi li sofra kienu frattura tal-għadam tal-imnieħer kif ukoll frattura tax-shaft tar-raba’ subgħa tal-id xellugija.

Impatt qawwi ta’ daqqiet b’oġġetti iebsa

Rizultat ukoll ta’ ‘blunt trauma’ (impatt qawwi ta’ xi daqqa ta’ oġġetti iebsa) Faruk spiċċa bi snienu ta’ fuq neqsin. Xehed ukoll it-Tabib James Vassallo, oftalmoloġista mill-Isptar Mater Dei, li spjega li bhala riżultat tal-inċident, il-vittma Miah Faruk sofra telfien permanenti mill-viżjoni ta’ għajnu l-leminija,fejn qal ukoll li ma jidhirx li hemm trattament għal din il-problema li qed isofri minnha l-vittma.

it-Tabib Jonathan Zammit, mid-dipartiment tal-emerġenza tal-Isptar Mater Dei ikkonferma li Faruk kellu ħafna ġrieħi
konsistenti fi ksur f’imniehru, sitt snien neqsin, ksur fir-raba’ subgħa tal-id xellugija kif ukoll hafna farretti f’wiċċu, jdejh u saqajh. Dawn il-grieħi kienu ġew klassifikati bħala ta’ natura gravi per durata.

Is-Surġent Alfred Cutajar stazzjonat fl-Għassa tal-Marsa, spjega li nhar is-6 ta’ Ġunju 2019 kien xogħol ta’ bil-lejl fl-Għassa tal-Ħamrun. Għall-ħabta tat-8.30pm. daħal rapport mill-control room li fi Triq il-Fawwara, Santa Venera kien għadu kif seħħ argument u kien hemm persuna mal-art.

Ix-xhud qal li flimkien mal-Kuntistabbli Saviour Mifsud marru immedjatament fuq il-post fejn diġa’ kien hemm ambulanza sabiex tieħu l-vittma l-Isptar. Fuq il-post kien hemm diversi rqajja ta’ demm kif ukoll xi snien mal-art. Qal li mar fl-Isptar Mater Dei fejn seta jara lill-vittma, li kien viżibbilment muġugħ.

Nhar l-14 ta’ Ġunju 2019, wara li l-vittma ġie liċenzjat biex joħroġ mill-Isptar, ix-xhud bagħat għalih fl-Għassa tal-Ħamrun sabiex tinkiseb aktar informazzjoni dwar l-inċident. Minn naħa tiegħu l-vittma kien żvela li l-aggressuri kienu Mirzi Abdul Momin, Ullah Salmin u Manic Nurun, ilkoll mill-Bangladesh.

Il-vittma spjega li huwa kien wasal Malta fit-30 ta’ Mejju 2019 u nhar is-6 ta’ Ġunju għall-ħabta tal-4.30pm kien mar jgħum f’Ta’ Xbiex. Għall-habta tat-8.00pm kien sejjer lura fir-residenza tiegħu f’Santa Venera. Waqt li kien miexi
kien qed jitkellem fuq il-mobile phone tiegħu. Ġara li kien hemm l-aggressuri mistoħbija wara l-karozzi.

Xeba’ mrietel u ponnijiet

Skont hu, kien hemm aktar nies apparti mit-tliet imputati izda l-oħrajn m’għadhomx f’Malta, eżattament, kien hemm disa’ persuni b’kollox. Il-vittma spjega li ġie cirkondat u Abdul Momin Mirzi beda jżommu minn għonqu u tah daqqa ta’ martell f’imniehru.

Qal li persuna oħra, Salim Ullah, beda jagħtih b’martell ieħor fuq għajnejh. Wara li ġie mniżżel mal-art, Abdul Momin Mirzi tah diversi daqqiet f’siequ bil-martell. Wara, Salim Ullah beda jipprova jiftaħlu ħalqu u minħabba li beda jirreżisti
b’idu, Abdul Momin Mirzi tah daqqa ta’ martell fuq subgħajh fejn dan ġie miksur.

Wara li Salim Ullah irnexxielu jiftaħlu ħalqu, Abdul Momin Mirzi beda jagħtih bil-martell f’ħalqu fejn inqalgħu sitt snien bid-daqqiet. Stqarr li apparti daqqiet bil-martell, qala’ ukoll daqqiet ta’ ponn. Matul l-attakk, Nurun Nabil Manic kien qiegħed iżommu ‘l isfel imma ma taħx daqqiet.

Spjega li wara l-inċident, eventwalment ġie liċenzjat mill-Isptar izda l-vista mill-għajn leminija tiegħu ddeterjorat ħafna u għadu jirrikjedi kura. Il-parte civile identifika lill-aggressuri minn diversi ritratti eżebiti filwaqt li spjega li kien jaf lil Abdul Momin Mirzi biss minn qabel u dan fiż-żmien li kienu fl-Italja flimkien.

Huwa elabora li l-inċident fl-Italja kien sehh meta hu u Abdul Momin Mirzi iltaqgħu filgħaxija barra ristorant u Mirzi kien viżibbilment fis-sakra. Mirzi beda jghid lill-parte civile li kien mar għalih u beda joffendih bi kliem baxx u vulgari. Minn naħa tiegħu, il-parte civile baqa sejjer sabiex jevita l-inkwiet.

Kien hemm okkażjoni oħra fejn Mirzi kiteb kummenti vulgari u offensivi fuq post li l-parte civile ghamel fuq il-profil tal-Facebook tiegħu. Kompla jispjega li kien ilu jaf lil Mirzi minn kuntest ta’ xogħol u dan Mirzi kien bħal qisu mqabbad miegħu.

Kien hemm inċident ieħor li seħħ f’Malta f’Diċembru 2018 fejn Mirzi kien se jħebb għall-parte civile imma imbagħad
is-sitwazzjoni ikkalmat. Wara dan l-inċident, il-parte civile rega’ siefer lejn l- Italja u wasal lura Malta ftit qabel l-inċident de quo. Fir-rigward ta’ kemm dam l-inċident, milli seta’ jiftakar, qal li dam madwar sitt minuti.

Mara li ħarġet mid-dar u semgħet lill-vittma jokrob

Xehdet Donatella Monsigneur li toqghod viċin tal-lok fejn seħħ l-inċident. Spjegat li dak il-ħin kienet fil-kamra
tal-banju u semgħat xi għajjat ġej minn barra u l-kelb tagħha beda jinbaħ. Hemm kif imbagħad ħarget barra, semgħat lil xi ħadd jokrob u jghid “please help me”.

Hija marret u rat li kien ġuvni barrani mitluq mal-art b’wiċċu kollu dmija u minnufih ċemplet għall-ambulanza. Spjegat li l-vittma beda jipprova jqum minn mal-art iżda hi bdiet tgħidlu biex jibqa’ mistrieħ għax beżgħat li jħossu ħażin u jaqa’ jekk iqum.

Xehed minn rajh l-imputat Nurun Nabi Manic, li qal li hu u l-ko-akkuzati l-oħrajn huma aħwa mill-istess missier u
li kien jaf lill-parte civile biss ghax kienu lkoll mill-Bangladesh u kien hemm okkażjoni waħda biss fl-2018 fejn kien rah qabel.

Spjega li fil-ħin tal-inċident huwa kien fl-appartament tieghu, akkumpanjat mill-‘flat mate’ ċertu Faruk Kandokar, li bħalissa qed jgħix l-Italja. Sostna li bejn 7pm u d-9pm, huwa kien rieqed. In kontro-eżami, sostna li huwa ma kienx qajjem il-kwistjoni ta’ alibi mal-Pulizija qabel għax had ma kien staqsih fejn kien f’dak il-hin.

Ma kienx jaf jispjega fejn kienu ħutu l-oħrajn f’dawk il-ħinijiet. Ma kienx kapaċi jispjega għalfejn bidel l-indirizz tiegħu immedjatament wara li kien seħħ l-attakk fuq Miah Faruk. Sostna li l-parte civile kien żbaljat meta qal li waqt l-attakk huwa kien qed iżommu minn idejh.

L-imputat sostna wkoll li minkejja li l-ko-imputati kienu ħutu u kienu jgħixu flimkien għadu sal-ġurnata tal-llum ma jafx fejn kienu dak in-nhar ta’ l-inċident. Xehed ukoll Khandokar Faruk li stqarr li hu kien ħabib ta’ l-imputat Manic Nurun Nabi. Ix-xhud qal li dak in-nhar ta’ l-inċident l-imputat Nabi kien miegħu l-lejl sħih mis-sitta/seba’ ta’ filgħaxija sat-tmienja ta’ filgħodu ġewwa l-appartament sitwat il-Ħamrun.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha kkunsidrat li l-vittma kien car u ferm meta identifika lil Mirzi bħala l-persuna li kien qed ittih bil-martell f’wiċċu u mnieħru. Fil-mument li kien qed issir l-attakk, l-aggressjoni bil-martell kienet qeda ssir fuq wiċċu u
b’hekk ma jistax jingħad li l-vittma ma kellux l-kapaċità min kien il-persuna direttament fuqu jagħtih b’martell.

L-istess jista jingħad ghall-imputat Salim Ullah. Skond il-vittma Ullah kien direttament hdejh ittih bil-martell. Il-Qorti tqis li ma għandhiex għalixiex tiddubita jew ma temminix li fil-mument ta’ l-aggressjoni, l-vittma ma setax
jiddentifika min kien direttament fuqu jaggredih. Minn naħa tieghu l-imputat Ullah, fl-istqarrija tieghu jgħid li ma kienx preżenti waqt l-attakk izda kien fir-residenza tiegħu.

Mandankollu, meta xehed in difeża x-xhud Khandokar Faruk qatt ma jagħmel referenza għall-imputat Ullah. Illi mill-atti jirriżulta li l-imputati kienu kollha jgħixu gewwa l-istess indirizz u Khandokar Faruk kien fir-residenza tagħhom fil-ġurnata u l-ħin ta’ l-inċident.

Kien kapaċi jgħaraf lil wieħed mill-aggressuri

Għalhekk il-Qorti tqis li dak li stqarr l-imputat Ullah fl-istqarrija tiegħu ma kienx mis-sewwa u temmen lill vittma Farouk li kien kapaċi jidentifka wieħed mill-aggressuri li kienu qed jagħtuh fuq wiċċu. Minn naħa l-oħra għar-rigward l-imputat Nurun Nabi Manic il-Qorti għandha d-dubji taghha. Illi jibda biex jingħad li l-imputat Manic dejjem ċaħad
kategorikament li kien preżenti u l-involviment tiegħu.

Filwaqt li jirrikonoxxi li kien hemm argumenti passati bejn wieħed minn ħutu u l-vittma, dejjem insista li u qatt ma kien preżenti. Minn naħa tiegħu l-vittma jgħid li Manic kien qed iżommu mill-parti ta’ isfel ta’ ġismu waqt dan l-attakk. Illi jirrizulta li m’hemmx ċertezza anke mill-vittma stess min kienu l-persuni kollha involuti fl-attakk.

Minn naħa l-oħra l-vittma kien miżmum ma l-art mill-aggressuri tiegħu u għalhekk żgur ma jistax jingħad li kellu kull tip ta’ viżwal – dan iktar u iktar meta hu stess ma setax jiddentifika kull persuna involuta. Wieħed ma jistax jeskludi l-fatt li meta l-vittma kien qed ikun miżmum ma l-art u attakkat f’wiċċu b’martell li ma kienx f’pożizzjoni iżomm għajnejn fuq minn kien qed iżommu minn saqajh.

Sadaniitant l-imputat ressaq xhud in difeza, Khandokar Faruk, li stqarr li l-imputat Manic kien il-ħin ukoll miegħu fir-residenza tagħhom l-Msida dak in-nhar u fil-hin ta’ l-inċident. Illi mill-mistoqsijiet li saru lix-xhud, jidher li ma tqajjimx
dubju dwar il-veracita o meno ta’ dak li qal.

Għaldaqstant il-Qorti qalet li tqis fir-rigward l-imputat Mirzi Abdul Momin u Ullah Salim hija moralment konvinta mill-każ tal-prosekuzzjoni li għandhom jistabu hatja ta’ l-imputazzjonijiet kollha dedotti kontrihom filwaqt li fil-każ ta’ l-imputat Manic Nurun Nabi hemm dubji serji li rrendu l-każ tal-prosekuzzjoni mhux ipprovat u għaldaqstant illiberatu
minn kull ħtija u piena.

Il-Qorti wara li rat l-artikolu 382A tal-Kodiċi Kriminali tordna l-hrug ta’ Ordni ta’ Trazzin kontra l-ħatja a favur ta’ Miah Faruk ghal perjodu ta’ tliet snin mid-data tar-remissjoni tal-piena. Fir-rigward tat-talba tal-Prosekuzzjoni sabiex f’każ ta ħtija, minbarra li tapplika l-piena skond il-Liħi tordna lill-imputati ħatja jħallsu l-ispejjeż li għandhom x’jaqsmu mal-ħatra ta’ l-esperti ugwalment u individwalment, nofs mill-ammont globali mis-somma ta’ €616.21 lir-Reġistratur tal-Qorti rappreżentanti l-ispejjeż tal-esperti maħtura fl-inkjesta.