Lokali

AĠĠORNATA BIR-RITRATTI: Eluf wieġbu għas-sejħa, għal mixja favur il-ħajja

L-għajta "Le għall-abort" tidwi fil-Kapitali

F’mixja organizzata mill-Fondazzjoni ‘Life Network’ flimkien ma’ ‘Doctors for Life’ u ‘I See Life’ tkellmu wkoll numru ta’ kelliema. Preżenti kien hemm ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech kif ukoll Deputati u uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista.

L-għaqdiet fil-messaġġ tagħhom qalu li l-emendi ppreżentanti mill-Gvern Laburista jiftħu tieqa għall-introduzzjoni tal-abort f’Malta.

Fi tmiem il-mixja, żagħżugħa Maria Formosa Membru fl-għaqda ‘I See Life’ appellat biex vera tkun imħarsa t-tarbija fil-ġuf, l-omm u kif ukoll il-mediku. Hija qalet li ż-żgħażagħ qed jiġġieldu din l-emenda għax it-tarbija għandha dritt tgħix.

L-Imħallef Emeritus Giovanni Bonello qal li l-liġi diġà tħares it-tobba u lill-omm u fl-aħħar snin ħadd qatt ma ġie ppersegwetitat, l-ebda omm jew l-ebda tabib li minħabba diffikultajiet fis-saħħa kellhom itemmu l-ħajjet it-tarbija.  

Nicola Micallef Stafrace, tabiba u membru fl-għaqda ‘Doctors for Life’ qalet li bħala tabiba, hi ħalfet li ssalva l-ħajjiet u mhux toqtolhom. Hi qalet li quddiemha, meta jkollha mara tqila, ikollha żewġ pazjenti u mhux waħda biss. Hi fakkret li t-tobba dejjem jagħtu prijorità lill-omm tant li f’Malta ilna fuq 20 sena ma jkollna omm li mietet matul it-tqala.

Carol Nolan, Membru Parlamentari fir-Repubblika tal-Irlanda qalet li l-Gvern f’pajjiżha kien wiegħed li permezz ta’ liġi simili, l-abort ma jidħolx fil-pajjiż. Madanakollu, hi kkonfermat li din il-liġi verament daħlet l-abort.

Veronica Bartolo, pedjatra qalet li l-ħajja tibda bl-ewwel ċellola u  jekk hemm ħajja umana din għandha tingħata ċ-ċans li tikber u tiżviluppa. Hija qalet li hija, flimkien ma’ ħafna oħra jirrapreżenta viżjoni femminista li hija tassew favur il-ħajja.

George Buttigieg Konsulent tal-Ġinekoloġija qal t-tobba dejjem kellu l-obbligu li jsalva l-ħajja, bil-ħajja tal-omm tingħata l-prijorità assoluta.

Tonio Borg, Eks-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa qal li din il-liġi se tkun qed iddaħħal l-abort f’pajjiżna u appella lill-Gvern biex jgħati widen lil dawk il-mijiet ta’ esperti u anke tal-poplu Malti u Għawdxi li ħarġu kontra din l-emenda.

Miriam Sciberras, tabiba u chairperson tal-Live Network Foundation saqsiet għaliex il-Gvern irid idaħħal din il-liġi bl-għaġġla… filwaqt li qalet L-emenda hija runway, bieb miftuh beraħ ghall-abort.

Intant bħala kamra tal-aħbarjiet tkellimna wkoll ma’ għadd ta’ persuni minn kull faxxa tas-soċjetà li kienu parti mill-eluf li attendew għal din id-dimostrazzjoni favur il-ħajja, fejn ilkoll tennew li ma jaqblux ma din l-emenda proposta minn Robert Abela.