“Ma nistgħux inkunu parti minn azzjoni li se tkun qed tippermetti kultura ta’ mewt f’Malta”
Dan hu dak li sostniet id-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea tul attività politika fil-Gudja, quddiem il-Każin tal-PN, attività fejn fost l-oħrajn fakkret l-anniversarju mill-qtil ta’ Raymond Caruana, iżda wkoll it-tema trattat kif il-libertà tal-ħajja fil-ġuf tinsab mhedda mill-Gvern Laburista.
“Raymond Caruana ħallas għal-libertà b’ħajtu, u għalhekk insejħulu l-martri tal-libertà”.
Graziella Galea qalet li ż-żminijiet inbiddlu, iżda l-isfidi simili baqgħu l-istess. Hija qalet li bħalissa għandna sitwazzjoni fejn il-valuri qed jitnaqqru.
“Kellna 3 femiċidji, kellna għadd ta’ mwiet fuq numru ta’ siti ta’ kostruzzjoni. Filwaqt li nitkellmu dwar l-iżvilupp li qed isir f’pajjiżna, qed naraw infurzar li mhux isir”.
Id-deputat Nazzjonalista tat ħarsa wkoll lejn l-emenda fil-liġi ta’ Robert Abela li se tkun qed tippermetti l-qtil tat-tarbija fil-ġuf. L-abort. Graziella Galea qalet li din l-emenda se tkun qed tippermetti l-qtil, bil-Gvern Laburista qed jibża jkun onest mal-poplu fejn lanqas qed jammetti li din il-liġi se tkun qed teppermetti l-abort f’pajjiżna.
“Robert Abela rasu iebsa, ma jridx jisma’ mill-poplu”
Hija sostniet li se tibqa’ taħdem biex il-ħajja tal-innoċenti ma tinqatilx. Graziella Galea qalet li s-soluzzjoni hija l-appoġġ lejn il-ġenituri, lejn l-omm u mhux l-abort. Hija qalet li ma nistgħux li b’azzjonitna noqtlu t-tarbija, bil-Gvern qed iwebbes rasu li jagħmel din l-emenda, li jdaħħal l-abort f’pajjiżna mingħajr mandat mingħand il-poplu.
“Ma nistgħux inkunu parti minn azzjoni li se tkun qed tippermetti kultura ta’ mewt f’Malta”
//= $special ?>