Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Franza jagħmluha għall-kwarti finali b’rebħa meritata fuq il-Polonja

(Ritratt: EPA)

Franza v Polonja 3-1

Franza saru t-tielet tim li għaddew għall-kwarti finali b’rebħa konvinċenti ta’ 3-1 fuq il-Polonja. Il-Franċiżi għelbu lil-avversarji b’gowl fl-ewwel taqsima ta’ Olivier Giroud u b’żewġ meravilji ta’ Kylian Mbappe fit-tieni taqsima. Il-Polakki kisbu gowl ta’ konsolazzjoni fl-aħħar azzjoni tal-logħba minn Robert Lewandowski.

L-ewwel azzjoni perikoluża waslet minn Franza wara biss tlett minuti logħob meta Raphael Varane daħal bil-ġirja fil-kaxxa avversarja u prova jegħleb lil Szczesny b’daqqa ta’ ras minn korner ta’ Griezmann, iżda d-difensur ta’ Manchester United xeħet barra. Fl-20 minuta kien imiss iċ-ċans tal-Polonja li jittantaw xortihom meta Robert Lewandowski prova jegħleb lil Lloris mill-bogħod, iżda l-attakkant ta’ Barcelona tefa’ barra. Ċans ieħor tajjeb għall-Franċiżi wasal fil-28 minuta meta minn kontrattakk maħdum tajjeb min Griezmann, Ousmane Dembele xeħet gol-kaxxa għal Giroud li żelaq ftit metri l-bogħod mill-lasta u ma rnexxielux jikkonkludi f’lasta vojta.

Il-Pollakki marru viċin fit-38 minuti meta Piotr Zielinski ittanta xortih iżda Lloris salva tajjeb, Karminiski fuq ir-rebound ġie miċħud minn Varane li qala minn fuq il-linja. 

Franza  fetħu l-iskor  ftit mumenti qabel il-mistrieħ meta Olivier Giroud xeħet ġewwa b’xutt baxx minn pass ta’ Mbappe. B’dan il-gowl, Olivier Giroud sar l-iktar plejer li skurja gowls għat-tim nazzjonali Franċiż bi 52 gowl, wieħed aktar minn Thierry Henry.

Franza komplew jattakkaw fit-tieni taqsima u fil-55 minuta Kylian Mbappe ġie viċin li jirdoppja l-iskor iżda l-ballun kien imdawwar f’korner minn Cash.  

Franza rduppjaw fl-74 minuta permezz tal-istilla tagħhom Kylian Mbappe li għeleb lil Wojceich Szczesny b’gowl il-ġmiel tiegħu minn pass ta’ Ousmane Demebele. B’dan il-gowl Mbappe qabeż ir-rekord ta’ Pele bħala l-iktar plejer li skurja gowls fit-Tazza tad-Dinja taħt l-eta’ ta’ 24. Mbappe reġa’ kien l-awtur ta’ gowl stupend fit-93 minuta li ssiġilla r-rebħa u post fil-kwarti tal-finali għall- Franċiżi Il-Polakki skurjaw gowl fl-aħħar mumenti tal-logħba minn penalty, madankollu l-gowl ta’ Lewandowski kien biss ta’ konsolazzjoni.