Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Il-ġlied qed jonqos mill-intensità iżda mistenni jkompli matul ix-xitwa

Il-battalji fl-Ukrajna bejn l-Armata ta’ Kiev u t-truppi tar-Russja naqqsu mill-ispinta u l-intensità tal-aħħar xhur iżda – skont l-analiżi ta’ diversi servizzi sigrieti barranin – il-gwerra għandha tkompli matul ix-xhur tax-xitwa. Dan minkejja l-pronostiku ottimist ta’ ġimgħat ilu li l-gwerra setgħet tasal għal konklużjoni ‘sa żmien il-festi tal-Milied.’.

Fil-fatt, ma hemm l-ebda provi li l-qawwiet Ukreni qegħdin inaqqsu mill-istrateġiji għal difiża aktar soda, minkejja li mgħadhomx suġġetti daqstant għall-attakki tar-Russi. Dan waqt li l-Armata tal-Kremlin, bħalissa, aktar qed tikkonċentra l-offensiva fuq il-faċilitajiet għall-ġenerazzjoni tal-enerġija li huma tant meħtieġa għall-poplu Ukren.

Id-Direttur tas-servizzi sigrieti tal-Istati Uniti, Avril Haines, qalet li l-qawwiet Ukreni u l-Armata Russa t-tnejn qed jevalwaw is-sitwazzjonijiet rispettivi huma u jorganizzaw ruħhom mill-ġdid għall-fażi li jmiss tal-gwerra

Il-gwerra fl-Ukrajna issa daħlet fid-disa’ xahar u meta r-Russja tilfet aktar min-nofs tal-artijiet Ukreni li kienet ħatfet fil-bidu tal-konflitt. Dan ukoll meta l-parti kbira tal-battalji, bħalissa, qegħdin jissuktaw madwar il-belt ta’ Bakhmut u r-reġjun ta’ Donetsk lejn il-lvant tal-Ukrajna.

Fl-istess ħin, Avril Haines qalet li l-battalji naqsu wara l-irtirar, ix-xahar li għadda, tat-truppi Russi mill-inħawi ta’ Punent ta’ Kherson. Hi qed tistenna wkoll li l-gwerra, matul ix-xhur li ġejjin, tkompli għaddejja iżda fuq livell anqas intensiv milli kien il-każ fl-aħħar xhur.

Madankollu, l-osservaturi barranin jemmnu li l-Ukrajna u daqstant ieħor ir-Russja jistgħu qegħdin iħejju diġà għall-possibbiltà ta’ kontro-offensiva kbira – min-naħa jew oħra – ladarba tidħol ir-rebbiegħa. Iżda Haines tinsab xettika dwar kemm ir-Russi, fil-fatt, se jkunu preparati tajjeb għall-offensiva ġdida minħabba t-telfiet kbar li ġarrbu fuq il-kampijkiet tal-battalja.

Is-servizzi sigrieti tal-Istati Uniti qed jindikaw li l-President tar-Russja Vladimir Putin mgħandux idea preċiża dwar kemm il-militar tiegħu qed jiffaċċja sfidi kbar fl-Ukrajna, inkella dwar kemm il-suldat Russu kellu jħallas b’ħajtu waqt l-invażjoni…Ċifra li fi kliem l-esperti barranin qabżet sew il-100,000.

Dan ukoll meta l-qawwiet Russi fl-Ukrajna qed ibatu minn moral baxx fost nuqqas ta’ munizzjon u provvisti, huma u jiffaċċjaw il-problemi ta’ loġistika u sensiela ta’ problemi oħra. Is-sitwazzjoni ddisprata tal-Armata Russa qed tidher evidenti wkoll bl-ingaġġ ta’ ħabsin ‘illiberati’ li qed ikunu trasferiti lejn l-Ukrajna biex jappoġġjaw lis-suldati regolari tal-Kremlin waqt il-konflitt.