Futbol Sport

Il-leaders Ħamrun lura għar-rebħ b’żewġ gowls fit-tieni taqsima

(Ritratt: Joseph Galea)

ĦAMRUN S………………..2

STA. LUCIA…………………0

Ħamrun Spartans: H. Bonello, M. Guillaumier, L. Montebello (R. Camenzuli 62′), E. Machike (L. Borg 84′) R. Prsa (J. Soares 62′), R. Callegari, E. Bruno Domingues, O. Bjelicic, J. Corbalan, J. Robert (Vinicius 70′), E. Marcelina.

Santa Lucia: M. C. Cremona, L. Fonseca, M. Johnson, N. Pulis, R. Bairam, D. Valpoort, D. Pacheco (J. Tanti 73′), D. Xuereb, J. Pisani, F. Farias (J. Carbone 73′), M. Alba (J. Zerafa 59′).

Skorjaw: E. Mashike 61′, Dodo 69′ (Ħ)

Referee:  Trustin Farrugia Cann

Assistenti Referees: Luke Portelli u Kurt Saliba

In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: Matthew Calleja Cremona (Santa Lucia)

BOV Plejer tal-Logħba: Matthew Calleja Cremona (Santa Lucia)

Wara t-telfa diżappuntanti ta’ 4-2 kontra Żebbuġ Rangers, liema telfa kienet l-ewwel waħda tal-istaġun, Ħamrun Spartans wetqu reazzjoni meta fis-Centenary Stadium għelbu lil Santa Lucia b’żewġ gowls fit-teni taqsima.

Kelna nistennew sat-13-il minuta biex rajna xutt lejn il-lasti u dan wasal minn free-kick dirett għal Ħamrun mogħti minn Roko Prsa li iżda spiċċa barra.

Ħamrun kellhom opportunità li jmorru minn fuq meta fis-26 minuta Trustin Farrugia Cann saffar penalty għal foul fil-kaxxa ta’ Jurgen Pisani fuq Luke Montebello. Madankollu mill-11-il metru l-istess Montebello naqas milli jitfa’ fix-xiba mertu wkoll għal goalkeeper Matthew Calleja Cremona li mmarka l-ballun u laqalu x-xutt.

Ħamrun baqgħu jinsistu u fis-36 minuta din id-darba kien Jonny li wara li avvanza prova konklużjoni fil-baxx b’Calleja Cremona jerġa’ jilqa’ tajjeb u jdawwar f’korner. Mill-istess korner Bjelicic għola tajjeb bir-ras, bil-ballun ikun maqlugħ minn fuq il-linja mid-difiża.

L-andament fit-tieni taqsima baqa’ l-istess bl-Ispartans ikomplu jattakkaw u b’Calleja Cremona jkompli jilqa’ hekk kif fil-50 minuta reġa’ laqa’ xutt mill-viċin ta’ Luke Montebello.

Minuta wara f’attakk rari ta’ Santa Lucia, Bonello laqa’ tentattiv tal-attakkant Olandiż Valpoort.

Ħamrun marru meritatament fil-vantaġġ fit-63 minuta meta kien Elvis Mashike li wara numru ta’ xuttijiet lejn il-lasta mill-viċin għeleb lil Calleja Cremona.

Ħamrun għamluhom 2-0 fit-72 minuta meta wara ħarba tas-sostitut Dodo dan tal-aħħar prova xutt mill-isbaħ li ma ta l-ebda ċans lil Calleja Cremona. L-iskor sat-tisfira finali baqa’ ma nbidilx u Ħamrun reġgħu lura għal dak li kienu qed jagħmlu qabel it-telfa kontra Żebbuġ u kisbu tliet punti li jħalluhom seba’ punti vataġġ fuq it-tim ta’ taħthom Hibernians.

Elvis Mashike ta’ Ħamrun issikkat minn Nicholas Pulis ta’ Sta. Lucia (Ritratt: Joseph Galea)