Is-Sibt tħabbret il-mewt ta’ Frà John Edward Critien, membru tal-Ordni Militari Sovran. Huwa miet f’Ruma.
Frà John Edward Critien twieled f’Tas-Sliema, Malta, fid-29 ta’ Settembru 1949 u kien l-iżgħar wild tal-Maġġur Frank Edward Critien u ta’ martu May nee’ Grech.
Huwa rċieva l-grad ta’ Baċellerat tal-Arti mill-Università Rjali ta’ Malta u mbagħad kompla studji tiegħu fl-Italja. Huwa għex Pisa għal 22 sena u għallem il-lingwa u l-letteratura Ingliża fl-iskola Mondolingue.
Critien kien involut fl-iżvilupp ta’ gruppi ta’ żgħażagħ fi ħdan l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann f’Pisa u f’Firenze. Fl-1983 ġie ammess bħala kavallier tat-tielet klassi fil-Gran Prijorat ta’ Ruma. Fl-1993 għamel wegħdiet reliġjużi perpetwu bħala Kavallier tal-Ġustizzja.
Frà John ġie elett għal terminu ta’ ħames snin bħala membru tal-Kunsill Sovran fl-1994. Mill-1994 sal-2000 għex fil-kwartieri ġenerali tal-Ordni f’Ruma, Palazzo Malta, u kien responsabbli mil-librerija, l-arkivji u l-kollezzjonijiet tal-arti tal-Ordni.
Fl-1999 organizza wirja f’Malta ta’ legatura fina mill-kollezzjoni tal-Ordni f’Ruma u mil-Librerija Nazzjonali ta’ Malta. F’Lulju 2000 Critien inħatar Kavallier Resident fil-Forti Sant’Anġlu, Malta, kariga li baqa’ jokkupa sa l-aħħar.
F’Settembru 2001 Critien ġie promoss għall-grad ta’ Kavallier Gran Croce tal-Ġustizzja u fl-2012 għall-Gran Baliju Gran Croce tal-Ġustizzja, l-ewwel Malti li qatt kellu dan il-grad fl-Ordni. Huwa ġie elett għat-tieni terminu ta’ ħames snin bħala membru tal-Kunsill Sovran fl-2014.
F’Diċembru 2016 il-Prinċep u Gran Mastru Fra’ Matthew Festing ħatar lil Critien Gran Kanċillier ad interim wara li neħħa lil Albrecht Freiherr von Boeselager minn dik il-kariga. Fl-14 ta’ Diċembru, il-Kunsill Sovran ikkonferma l-ħatra ta’ Critien.
Fit-28 ta’ Jannar 2017 il-Kunsill Sovran, wara li aċċetta r-riżenja ta’ Frà Matthew Festing bħala Prinċep u Gran Mastru, annulla l-ħatra ta’ Critien bħala Gran Kanċillier ad interim u rrestawra lil Boeselager bħala Gran Kanċillier.
Critien baqa’ membru tal-Kunsill Sovran sa tmiem il-mandat tiegħu ta’ ħames snin fl-2019. Fit 28 ta’ Awwissu 2022 ingħata l-Ġurament tal-Ħatra bħala Gran Prijur ta’ Ruma. Huwa kien l-ewwel membru Malti tal-Ordni li okkupa dik il-kariga.
Frà John minn meta sar Kavallier residenti tal-Forti Sant Anġlu beda jattendi għaċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi fil-Knisja Kolleġġjata u Konventwali ta’ San Lawrenz tal-Belt Vittoriosa. Kien għalhekk li il-Kapitlu ta’ din l-insinji Kolleġġjata iddekorah bl-insinji tal-Kolleġġjata bhala kanonku Ad Honorem.
Fost il-persuni distinti li sellmu lil Frà John kien hemm il-President ta’ Malta George Vella fejn f’post fuq Facebook qal li jinsab imnikket bl-aħbar tal-mewt ta’ Frà John Edward Critien, Gran Prijur ta’ Ruma fi ħdan l-Ordni ta’ San Ġwann. Huwa wassal ukoll il-kondoljanzi lill-qraba u l-għeżież tiegħu.
//= $special ?>