“Daqs 36 sena ilu, il-PN sejjaħ għal forza ewlenija favur id-demokrazija… illum, il-PN qed isejjaħ lill-poplu Malti u Għawdex għal forza ewlenija favur il-ħajja.”
Waqt id-diskors tiegħu fuq barra tal-każin tal-Partit Nazzjonalista tal-Gudja, fl-anniversarju tas-36 sena mindu nqatel Raymond Caruana, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista hu favur il-ħajja, mill-konċepiment sal-mewt.
Il-Kap tal-PN fakkar kif Gvern Laburista nganna lin-nies hekk kif wara li qal li mhux se jkun qed idaħħal l-abort f’pajjiżna, issa qed jagħmel dan minn wara dahar kulħadd. Iżda l-PN se jibqa’ jaħdem favur il-ġid tat-trabi fil-ġuf, l-ommijiet, it-tobba u l-ħajja.
“Dan hu l-mument li fih qed terġa’ tinkiteb l-istorja,” qal Bernard Grech. “Kull wieħed minna rridu nqumu, u ma nibżgħux nieħdu azzjoni favur il-ħajja biex meta tinkiteb l-istorja, aħna nkunu fuq in-naħa t-tajba tal-istorja.”
Bernard Grech qal li Robert Abela qed jiddikjara li ma jridx jiddiskuti u jisma’ lill-esperti fil-qasam, iżda Partit Nazzjonalista qed isejjaħ għad-diskussjoni matura.
“Il-PN lest li jiddiskuti kif nistgħu nagħtu protezzjoni lill-omm, lit-tarbija fil-ġuf, lit-tobba iżda dan m’għandux iseħħ permezz tal-abort,” qal Bernard Grech.
Bernard Grech kompla jgħid li quddiem l-isfidi, il-PN mhux se jikrolla iżda se jqum b’aktar determinazzjoni, b’mod speċjali quddiem it-theddida għall-ħajja.
“Dejjem poġġejna lill-poplu Maltin fuq quddiem nett u hekk se nibqgħu nagħmlu,” qal Bernard Grech.
//= $special ?>