Lokali

It-Tmexxija attwali tal-PBS tfalli fl-introduzzjoni tas-settijiet virtwali

Iċ-Chairman Mark Sammut u l-Inġinier Charles Dalli għandhom jerfgħu r-responsabbiltà għal dan il-falliment

Ir-rapport estensiv ippubblikat minn Il-Mument il-ġimgħa l-oħra dwar kif Mark Sammut, iċ-Chairman tal-Public Broadcasting Services, irid jintroduċi sistema ta’ penalizzazzjoni ta’ punti għal min jagħmel żbalji fl-istazzjon, qanqal lil impjegati oħra biex jagħmlu kuntatt magħna b’aktar spettri differenti dwar dak li qed jiġri fil-Public Broadcasting Services Creativity Hub fi Gwardamanġa.

Inġibditilna l-attenzjoni li diversi kienu dawk li kkumentaw dwar is-sitwazzjoni fuq l-istazzjonijiet tal-Public Broadcasting Services, speċjalment dwar il-faqar ta’ kwalità li ħierġa on-air fuq it-tliet stazzjonijiet tal-istazzjon nazzjonali.

Din is-sitwazzjoni saħansitra wasslet għal Mistoqsija Parlamentari fejn kien ġie mistoqsi għaliex ittieħdet din id-deċiżjoni, bil-Ministru Owen Bonnici jwieġeb li s-settijiet virtwali hi xi ħaġa moderna u teknoloġija tal-futur fil-qasam awdjoviżiv.

Owen Bonnici qal fil-Parlament li hu kuntent u sodisfatt li l-Public Broadcasting Services qed jimxi f’din id-direzzjoni. Ovvjament Owen Bonnici ma kellu ebda triq oħra ħlief li jitkellem hekk wara l-kritika ħarxa anke mill-pubbliku fuq il-mezzi soċjali b’ħafna jsostnu li qatt ma raw programmi bi stampa daqstant inferjuri.

Iżda Il-Mument se jkun qed jiżvela x’hemm moħbi wara din id-deċiżjoni. Mhu veru xejn li l-Public Broadcasting Services qaleb għal din is-sistema d-diversi programmi minn tiegħu biex jimxi mat-teknoloġija moderna.

L-istazzjon privat Smash TV tal-kumpanija Smash Communications Limited, immexxija minn Joe Baldacchino, ilu juża s-sistema virtwali fuq l-istazzjonijiet tiegħu għal iktar minn 25 sena u allura żgur li ma nistgħux nemmnu li l-Public Broadcasting Services qed idawwar ir-rota billi jivvinta xi ħaġa ġdida u jaqleb għal xandir b’teknoloġija moderna.

Il-verità għaliex il-Public Broadcasting Services għażel li jaqleb diversi programmi għas-settijiet virtwali hi biex inaqqas l-ispiża rikorrenti li mhix sostenibbli biex jipproduċi dawk li jissejħu “in house programmes” bl-ispiża tipprova titnaqqas bi tnaqqis ta’ nies fl-operat.

Sorsi infurmati fil-Public Broadcasting Services li fil-jiem li għaddew iltaqgħu magħna qalulna li hu interessanti li mhux il-programmi kollha qalbu għas-sistema tal-VR. Programmi bħal Resume, Għaddi s’Hawn, Niskata, Moħħok Hemm u anke l-Aħbarijiet ta’ Television Malta baqgħu jsiru bis-settijiet tradizzjonali, jiġiferi għadhom isiru bl-użu ta’ camera operators meta fil-virtual sets la jkun hemm sett fiżiku u wisq anqas camera persons.

Bis-settijiet vitwali l-Public Broadcasting Services qed jiffranka l-ħlas ta’ tliet camera persons, jiġifieri qed jiffranka madwar €80 għal kull programm ta’ sagħtejn jew ftit inqas.

Is-sorsi infurmati li tkellmu ma’ Il-Mument infurmawna li l-moħħ wara din id-deċiżjoni tal-Virtual Reality sets ħadha l-Inġinier Charles Dalli li fil-passat kien Kap Eżekuttiv fi ħdan il-Public Broadcasting Services u llum il-ġurnata jokkupa l-karika wkoll ta’ Editur tal-istazzjonijiet tal-Public Broadcasting Services hekk kif kien ħa din il-kariga wara li ta’ Kastilja qalgħu t-tapit minn taħt l-Editur preċedenti Norma Saliba.

Kemm Charles Dalli kif ukoll Mark Sammut huma ippressati minn ta’ Kastilja u anke mill-Ministeru tal-Finanzi biex inaqqsu l-ispiża rikorrenti tal-produzzjonijiet u tal-operat hekk kif din l-ispiża splodiet fl-aħħar tliet snin.

Il-flus li ntefqu fl-aħħar tliet snin b’pagi esaġerati lil producers u lil ċerti preżentaturi għal programmi in house, kienet xi ħaġa ta’ barra minn hawn.

Jirriżulta li l-infiq esaġerat fuq id-disinn u l-manifattura ta’ ċerti settijiet kompliet titfa’ l-melħ fuq il-ferità. Diversi kuntratturi, fosthom anke t-TEC Limited li jaħdem mill-qrib anke mal-Partit Laburista, kienu fost dawk li ħadmu settijiet lill-Public Broadcasting Services u dawn tħallsu eluf ta’ ewro.

Is-sorsi infurmati li tkellmu ma’ Il-Mument komplew li fl-aħħar żewġ skedi, speċjalment minn meta nfetaħ l-istazzjon fallimentari TVMnews+, kien hemm producers li kienu qed jitħallsu madwar €400 u €500 għal kull programm u dan ifisser li producers partikolari, fi skeda waħda, qalgħu iktar minn €17,000 għal skeda ta’ bejn Ottubru u Mejju. Fost dawn il-producers hemm kemm dawk li jissejħu freelancers u anke full-timers ġurnalisti fil-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Public Broadcasting Services stess.

Dan l-infiq bla rażan kien osservat kemm mill-Ministeru tal-Finanzi ta’ Clyde Caruana u anke mill-Ministeru ta’ Owen Bonnici li hu responsabbli mill-Public Broadcasting Services u allura dawn tefgħu pressjoni fuq iċ-Chairman Mark Sammut u l-id il-leminija tiegħu Charles Dalli biex jibdew immedjatament eżerċizzju ta’ cost cutting.

Dan l-eżerċizzju, żiedu s-sorsi infurmati tagħna fil-Public Broadcasting Services, qed iwassal biex qed ikun issikkat iċ-ċintorin anke fost il-ħaddiema full-timers tal-Public Broadcasting Services bl-aktar li ġew affettwati huma dawk li jaħdmu bħala operators li huma responsabbli mill-muntaġġ tas-servizzi tal-aħbarijiet u anke d-diretturi viżwali tal-programmi b’ħafna minnhom huwa Laburisti leali u li ġew ikkwotati jgħidu li taħt dan iċ-Chairman missejna verament il-qiegħ.

Dan l-inkwiet ikompli jżid mal-inkwiet li għandu l-Management tal-Public Broadcasting Services hekk kif fl-aħħar snin taħt l-Amministrazzjoni Laburista ddaħħlu jaħdmu xejn inqas minn 18-il impjegat fuq bażi ta’ full-time mingħajr sejħa bil-General Workers’ Union (GWU) li hi r-rappreżentanta tal-ħaddiema fi ħdan il-Public Broadcasting Services, tibqa’ ħalqha magħluq għax jibżgħu wkoll li jieħdu xi tgħajjijra minn fuq it-telefon miċ-Chairman.

Minn madwar 105 impjegati full-time fil-Public Broadcasting Services hemm dawn it-18 li ddaħħlu jaħdmu b’kuntratt defenit mingħajr il-Public Broadcasting Services ma għadda mill-proċeduri stabbiliti tal-impjieg.

Riċentament il-Public Broadcasting Services kien intalab minn midja indipendenti permezz ta’ Artiklu 5 tal-FOI biex jippubblika dawn il-kuntratti, bil-Public Broadcasting Services jirrispondi li dawn kollha għadhom paga inqas minn Skala 5 tal-Gvern u allura l-Public Broadcasting Services hu eżentat milli jirrispondi u jagħti din l-informazzjoni.

Kuntratt ieħor li għadu mistur mill-Public Broadcasting Services minkejja l-kriżi finanzjarja li għaddejja minnha l-kumpanija hu l-famuż kuntratt taċ-Chairman Mark Sammut.

Mhux mgħaruf jekk Mark Sammut, li qatt ma’ kellu esperjenza fil-midja, hux se jmexxi bl-eżempju u jaċċetta li jnaqqas ukoll il-paga tiegħu hekk kif bħalissa l-ħaddiema kollha qed jieħdu take home pay ferm inqas minn qatt qabel.

Il-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data fis-sajf li għadda kien qal li l-Public Broadcasting Services kiser il-liġi billi rrifjuta li jippubblika l-informazzjoni mitluba mill-midja indipendenti, fosthom kemm hi r-renumerazzjoni taċ-Chairman Mark Sammut u kemm hi r-renumerazzjoni tal-Avukat Mark Vassallo li jokkupa r-rwol ta’ Segretarju tal-Board tal-Public Broadcasting Services.