Lokali

Jinġabru €242,646 waqt il-maratona ġbir ta’ fondi b’risq Caritas Malta

Festa oħra ta’ ġenerożità.

F’maratona ta’ 12-il siegħa, Caritas Malta ġabret is-somma ta’ €242,646 f’għajnuna għal dawk il-persuni fil-bżonn biex joħorġu mill-vizzji.

Biex Ħadd Ma Jħossu Waħdu kien it-titlu tal-maratona li xxandret fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni lokali inkluż Net Television.

Il-maratona saret ukoll biex Caritas tkun tista’ toffri servizzi lil min hu waħdu billi fost l-oħrajn torganizza ikla f’Jum il-Miled.

Bid-donazzjonjiet miġbura il-Caritas tkompli bil-ħidma tagħha biex ħadd ma jħossu waħdu dan il-Milied.

Tul il-maratona attendew għadd ta’ persuni fejn anki żar din il-maratona l-Kap tal-PN Bernard Grech li ħa wkoll id-donazzjonijiet li bdew deħlin min-nies.

B’dawn id-donazzjonijiet diversi persuni jkunu jistgħu jkomplu jingħataw is-servizzi li jeħtieġu tul is-sena kollha minghand il-Caritas.

Fl-aħħar jiem, studju ppubblikat mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika wera li f’pajjiżna, 2 minn kull 10 persuni qiegħdin f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali…b’aktar minn 20% ta’ dawn il-persuni għandhom taħt it-18-il sena.

Matul din il-maratona intwerew ukoll bosta testimonjanzi ta’ persuni li gawdew mill-ġenerożità u qlubija ta’ din l-għaqda fejn il-messaġġ kien wieħed – dak ta’ ringrazzjament għal dak kollu li għamlet magħhom Caritas Malta.