Lokali

Jittella’ bla ħajja JeanPaul, iż-żagħżugħ li nqabad qalb it-tifrik fis-sit ta’ kostruzzjoni

Fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu nstab bla ħajja ż-żagħżugħ ta’ 20 sena, iddentifikat bħala JeanPaul li nqabad qalb it-tifrik tas-sit ta’ kostruzzjoni li ġġarraf il-bieraħ filgħodu.

L-operazzjoni, b’ħidma ta’ kważi 40 ħaddiema ta’ salvataġġ, ħadet kważi 16-il siegħa. Dan hekk kif l-ewwel inħarġu ħames ħaddiema minn qalb it-tifrik u ttieħdu l-Isptar Mater Dei, bi tlieta minnhom jispiċċaw jissieltu għal ħajjithom.

Wara bdiet ħidma delikata fejn membri tal-Protezzjoni Ċivili ddentifikaw iz-zona fejn kien jinsab is-sitt vittma u bdew ineħħu ġebla ġebla. Din il-parti tal-operazzjoni ħadet ħafna ħin hekk kif kien hemm biża’ li parti mill-binja li kienet għadha ma waqgħetx, taqa’. Dan b’riskju kbir għall-ħaddiema kollha.

Kien fis-1:40am meta ttella’ l-katavru taż-żagħżugħ minn qalb it-tifrik, bil-qraba li kienu ilhom hemm minn kmieni filgħodu, jikkonfermaw li huma JeanPaul.